Skip to main content

Kif inhuma stabbiliti l-prijoritajiet tal-UE?

Qabel il-bidu ta’ kull leġiżlatura ġdida – il-perjodu ta’ 5 snin fil-kariga tal-Kummissarji Ewropej u tal-Membri tal-Parlament Ewropew fil-Parlament Ewropew – il-kapijiet ta’ stat/gvern tal-pajjiżi kollha tal-UE jiltaqgħu, bħala l-Kunsill Ewropew, biex jistabbilixxu l-prijoritajiet politiċi uffiċjali għall-UE. 

Flimkien, dawn il-prijoritajiet jiffurmaw l-aġenda strateġika – dan jgħin biex jiggwida lill-istituzzjonijiet tal-UE u jistabbilixxi kif għandhom jitwettqu dawn il-prijoritajiet.

L-aġenda strateġika tiggwida wkoll il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni fit-terminu tal-uffiċċju tagħha, kif stabbilit fil-linji gwida politiċi tagħha. Il-prijoritajiet jidentifikaw b’mod ġenerali l-politiki u l-passi ewlenin li l-Kummissjoni biħsiebha ssegwi biex tiżgura li tikseb l-objettivi politiċi tagħha.

L-aġenda strateġika tiġi implimentata b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-UE, li jaħdmu flimkien.

Hekk kif il-prijoritajiet tal-Kummissjoni jkunu ġew stabbiliti mill-kandidat għall-President, dawn ikunu:

  • ippreżentati lill-Parlament Ewropew kollu (seduta f’forma plenarja)
  • ikkonvertiti fi stqarrijiet ta’ missjoni speċifiċi għal kull Kummissarju kandidat, u ppreżentati lill-Kumitat tal-Parlament rilevanti.

Il-linji gwida politiċi jiffurmaw il-bażi tal-Programmi ta’ Ħidma annwali tal-Kummissjoni. Dawn jistabbilixxu l-inizjattivi biex jinkisbu l-prijoritajiet matul it-12-il xahar ta’ wara.

It-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma tinbeda mid-diskors annwali dwar l-Istat tal-Unjoni u l-Ittra ta’ Intenzjoni li takkumpanjah. 

Dan iniedi ċiklu ta’ diskussjonijiet mal-Parlament u mal-Kunsill tal-UE dwar il-prijoritajiet għas-sena d-dieħla. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tisma’ wkoll il-fehmiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. 

Hekk kif jiġi adottat il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill joħorġu dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet tal-UE, biex jippermettu azzjoni rapida u jiżguraw li jkun hemm fokus politiku biex jitwettqu dawk il-prijoritajiet.

Sabiex ikun jista’ jsir ippjanar aktar fit-tul, fil-bidu tal-mandat attwali fl-2020, it-3 istituzzjonijiet tal-UE għall-ewwel darba adottaw ukoll konklużjonijiet konġunti dwar l-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika għaċ-ċiklu leġiżlattiv kollu (li jibqa’ għaddej sal-2024).

Kif qed jiġi implimentat il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni.

Prijoritajiet oħra

Flimkien mal-prijoritajiet t’hawn fuq, istituzzjonijiet oħra tal-UE spiss jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess biex jirriflettu l-fehmiet tagħhom.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Kull 6 xhur gvern differenti tal-UE jkollu l-kariga tal-Presidenza għall-Kunsill tal-UE. Ir-rwol tiegħu huwa li jaġixxi bħala medjatur onest, li jmexxi ’l quddiem id-diskussjonijiet fil-Kunsill – fost il-pajjiżi kollha tal-UE – dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE. 

Kull Presidenza tidentifika s-sett ta’ prijoritajiet tagħha stess. Dawn huma determinati mill-kwistjonijiet urġenti tal-UE f’dak iż-żmien u għandhom l-għan ġenerali li jsaħħu l-UE u jippromwovu l-valuri tagħha.

Aktar dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza attwali tal-UE

Il-Parlament Ewropew: - il-gruppi politiċi

Il-maġġoranza vasta tas-705 MPE jappartjenu għal wieħed mis-7 gruppi politiċi attwali, organizzati skont il-partit minflok in-nazzjonalità.

Kull grupp politiku jistabbilixxi l-prijoritajiet tiegħu stess, li jirriflettu l-kwistjonijiet li l-votanti tagħhom iqisu bħala kritiċi.

Qabel kull votazzjoni fil-plenarja, il-gruppi politiċi jeżaminaw ir-rapporti mfassla mill-kumitati parlamentari u jressqu emendi għalihom.

Il-pożizzjoni adottata mill-grupp politiku ssegwi diskussjoni fi ħdan il-grupp. Ebda MPE ma jista’ jiġi mġiegħel jivvota b’mod partikolari.

Aktar dwar il-prijoritajiet tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew

Il-prijoritajiet kollha tal-Parlament Ewropew