Mur għall-kontenut ewlieni

Pajjiżi li jużaw l-euro

L-euro huwa l-aktar simbolu tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea: madwar 341 miljun ruħ jużawh kuljum, u dan jagħmlu t-tieni munita l-aktar użata fid-dinja kollha. Il-benefiċċji tal-munita komuni huma ovvji b’mod immedjat għal kull min jivvjaġġa jew jixtri online fuq siti web ibbażati f'pajjiż ieħor tal-UE.

Pajjiżi membri li jużaw l-euro

Bħalissa, l-euro (€) huwa l-munita uffiċjali ta’ 20 minn 27 pajjiż membru tal-UE li flimkien jikkostitwixxu dik li uffiċjalment hi magħrufa bħala ż-żona tal-euro.

Kif jissieħbu l-pajjiżi

Sabiex jingħaqdu fiż-żona tal-euro, l-istati membri tal-UE huma meħtieġa jissodisfaw l-hekk imsejħa “kriterji ta’ konverġenza”.

Dawn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali li jorbtu kien hemm qbil dwarhom fit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992 u huma magħrufa wkoll bħala l-“kriterji ta’ Maastricht”. L-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief id-Danimarka, huma obbligati li jadottaw l-euro u jissieħbu fiż-żona tal-euro, meta jkunu lesti biex iwettquhom.

It-Trattat ma jispeċifikax skeda ta’ żmien partikolari biex pajjiż jingħaqad maż-żona tal-euro, iżda jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom biex jissodisfaw il-kundizzjoni għall-adozzjoni tal-euro.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew flimkien jiddeċiedu jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet biex il-pajjiżi kandidati għaż-żona tal-euro jadottaw l-euro. Wara li jivvalutaw il-progress magħmul fir-rigward tal-kriterji ta’ konverġenza, iż-żewġ korpi jippubblikaw il-konklużjonijiet fir-rapporti rispettivi tagħhom. Dawn huma mbagħad ratifikati mill-Kunsill ECOFIN f’konsultazzjoni mal-Parlament u l-Kapijiet ta’ Stat. Jekk favorevoli, jista’ jibda l-proċess tal-adozzjoni.