Ħarsa ġenerali
- Irwol: L-EDA tappoġġja proġetti ta’ kooperazzjoni tad-difiża Ewropea u tipprovdi forum għall-ministri Ewropej tad-difiża.
- Kap Eżekuttiv: Jiří Šedivý
- Membri: 26 Stat Membru tal-UE (id-Danimarka mhix membru)
- Stabbilita: fl-2004
- Numru ta’ staff: 140
- Post: Brussell (il-Belġju)
- Sit web: EDA
L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ġiet stabbilita fl-2004. Hi tgħin is-26 Stat Membru tagħha (il-pajjiżi kollha tal-UE minbarra d-Danimarka) biex jiżviluppaw ir-riżorsi militari tagħhom.
Tippromwovi l-kollaborazzjoni, tniedi inizjattivi ġodda u tintroduċi soluzzjonijiet biex jitjiebu l-kapaċitajiet tad-difiża. Tgħin ukoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ difiża konġunta jekk jixtiequ jagħmlu hekk.
L-EDA hi faċilitatur ewlieni fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet li huma fil-bażi tal-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) tal-UE.
L-Aġenzija hi bbażata fi Brussell u timpjega staff ta’ madwar 140 membru. Il-kap tagħha hu Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.
X’tagħmel
L-EDA tappoġġja s-26 Stat Membru tagħha – il-pajjiżi kollha tal-UE minbarra d-Danimarka – biex itejbu l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom permezz tal-kooperazzjoni Ewropea.
Hi taġixxi bħala faċilitatur u tippermetti l-aċċess għall-ministeri tad-difiża li huma lesti li jaħdmu fuq proġetti kollaborattivi ta’ kapaċità tad-difiża.
L-aġenzija hi “hub” ta’ kooperazzjoni tad-difiża Ewropea. L-għarfien espert u n-networks tagħha jippermettulha tkopri spettru wiesa’ ta’ difiża, inklużi:
- l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti biex jinkisbu kapaċitajiet operattivi
- ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ dimostraturi tat-teknoloġija
- it-taħriġ u l-eżerċizzji ta’ manutenzjoni li jappoġġjaw l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.
L-EDA taħdem ukoll lejn it-tisħiħ tal-industrija tad-difiża Ewropea u taġixxi bħala faċilitatur u interface bejn il-partijiet ikkonċernati militari tal-Istati Membri u l-politiki tal-UE li għandhom impatt fuq id-difiża.
F’Mejju 2017, l-Istati Membri qablu li jsaħħu l-missjoni tal-aġenzija, inkluż il-fatt li din l-aġenzija tkun l-operatur ċentrali għall-attivitajiet relatati mad-difiża ffinanzjati mill-UE.
Min jibbenefika
L-Istati Membri tal-UE (l-UE-27, minbarra d-Danimarka) jibbenefikaw mill-approċċ flessibbli tal-aġenzija li jippermettilhom jiddeċiedu dwar il-parteċipazzjoni tagħhom skont il-ħtiġijiet tad-difiża nazzjonali tagħhom.
Hi tgħin lill-ministeri Ewropej tad-difiża sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-kapaċità fl-oqsma tad-difiża u t-taħriġ.
L-EDA għandha wkoll ftehimiet ma’ xi pajjiżi mhux fl-UE(in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera u l-Ukrajna).
Kuntatt
- Isem
- Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA)
- Sit web
- https://www.eda.europa.eu/
- Numru tat-telefown
- +32 2 504 28 00
- Numru tal-faks
- +32 2 504 28 15
- Indirizz postali
- Rue des Drapiers/Lakenweversstraat 17-23, 1050 Brussels, Belgium
- Media soċjali