Mur għall-kontenut ewlieni

Prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea 2019-2024

Għan

Wara l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019, l-UE stabbiliet numru ta’ prijoritajiet li jsawru l-aġenda politika sal-2024. Dawn iservu biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw l-UE u ċ-ċittadini tal-UE.

Il-prijoritajiet ġejjin minn djalogu bejn il-mexxejja tal-UE, il-ministri nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gruppi politiċi eletti fil-Parlament Ewropew. F’Ġunju 2019, il-mexxejja tal-UE stabbilixxew il-prijoritajiet tagħhom fl-aġenda strateġika tal-UE għall-2019-2024. Din isservi ta’ ispirazzjoni għall-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea, li hi tfassal qabel ma tieħu l-kariga għal mandat ta’ 5 snin.

Aġenda strateġika ġdida għall-UE, 2019-2024

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa 4 oqsma ta’ prijorità fl-aġenda strateġika tiegħu għall-2019-2024 biex jiggwidaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE matul il-5 snin li jmiss. Dawn l-oqsma jfittxu li jwieġbu għall-isfidi u l-opportunitajiet li ġabet magħha s-sitwazzjoni globali attwali. Billi tiffoka fuqhom, l-UE tista’ ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-ambjent diffiċli tal-lum.

L-aġenda strateġika tidentifika wkoll kif għandhom jitwettqu l-prijoritajiet.

L-4 prijoritajiet

Protezzjoni taċ-ċittadini u tal-libertajiet

Żgurar tal-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tal-UE u żvilupp ulterjuri ta’ politika komprensiva dwar il-migrazzjoni. Ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntieri/online, żieda fir-reżiljenza tal-UE kemm kontra d-diżastri naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem.

Żvilupp ta’ bażi ekonomika b’saħħitha u vibranti

Bini ta’ ekonomija reżiljenti permezz tal-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun ippreparata aħjar għal xokkijiet futuri, tlestija tal-unjoni bankarja u tas-swieq kapitali, tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, investiment fil-ħiliet u l-edukazzjoni, appoġġ għan-negozji tal-Ewropa, tħaddin tat-trasformazzjoni diġitali, u żvilupp ta’ politika industrijali robusta.

Bini ta’ Ewropa newtrali għall-klima, ekoloġika, ġusta u soċjali

Investiment f’inizjattivi ekoloġiċi li jtejbu l-kwalità tal-arja u tal-ilma, jippromwovu agrikoltura sostenibbli u jippreservaw sistemi ambjentali u l-bijodiversità. Ħolqien ta’ ekonomija ċirkolari effettiva (fejn il-prodotti huma ddisinjati biex ikunu aktar durabbli, jistgħu jerġgħu jintużaw, jissewwew, jiġu riċiklati u effiċjenti fl-użu tal-enerġija) u suq tal-enerġija tal-UE li jiffunzjona tajjeb li jipprovdi enerġija sostenibbli, sigura u affordabbli. Tranżizzjoni aktar mgħaġġla għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, filwaqt li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq sorsi tal-enerġija minn barra. Implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Promozzjoni tal-interessi u l-valuri Ewropej fix-xena globali

Bini ta’ politika barranija robusta bbażata fuq politika tal-viċinat ambizzjuża ma' 16 mill-eqreb ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha u sħubija komprensiva mal-Afrika. Promozzjoni tal-paċi globali, stabbiltà, demokrazija u drittijiet tal-bniedem. Żgurar ta’ politika kummerċjali robusta f’konformità mal-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali globali bbażat fuq ir-regoli. Responsabbiltà akbar għas-sigurtà u d-difiża, filwaqt li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib man-NATO.

Aqra aktar dwar l-aġenda politika tal-UE

Aġenda strateġika ġdida għall-UE, 2019-2024

Prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2019-2024 (linji gwida politiċi)

Il-President tal-Kummissjoni ddeterminat 6 prijoritajiet politiċi għall-mandat attwali tagħha ta’ 5 snin. Dawn huma derivati mill-aġenda strateġika tal-Kunsill u mid-diskussjonijiet mal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew.

Is-6 prijoritajiet

Patt Ekoloġiku Ewropew

Trasformazzjoni tal-UE f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, filwaqt li jiġi ppreservat l-ambjent naturali tal-Ewropa, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u li l-Ewropa ssir effiċjenti fl-użu tal-karbonju u r-riżorsi b’mod effiċjenti sal-2050.

Ewropa lesta għall-era diġitali

Tħaddin tat-trasformazzjoni diġitali permezz ta’ investiment fin-negozji, ir-riċerka u l-innovazzjoni, riforma tal-protezzjoni tad-data, għoti tas-setgħa lin-nies bil-ħiliet meħtieġa għal ġenerazzjoni ġdida ta’ teknoloġiji u tfassil ta’ regoli biex jaqblu.

Ekonomija għas-servizz tan-nies

Tisħiħ tal-ekonomija tal-UE filwaqt li jiġu żgurati l-impjiegi u jitnaqqsu l-inugwaljanzi, jappoġġ lin-negozji, approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u tlestija tal-unjoni bankarja u tas-swieq kapitali.

Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja

Tisħiħ tal-vuċi tal-UE fix-xena dinjija billi tittejjeb il-pożizzjoni tagħha bħala promotur ta’ kummerċ b’saħħtu, miftuħ u ġust, il-multilateraliżmu u ordni globali bbażat fuq ir-regoli. Spinta lir-relazzjonijiet mal-pajjiżi u s-sħab ġirien kif ukoll tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li timmaniġġja kriżijiet ibbażati fuq kapaċitajiet ċivili u militari.

Promozzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna

Ħarsien tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt bħala bażi ta’ ugwaljanza, tolleranza u ġustizzja soċjali. Indirizzar tar-riskji tas-sigurtà, protezzjoni u għoti tas-setgħa lill-konsumaturi, kif ukoll żvilupp ta’ sistema ta’ migrazzjoni legali u sikura filwaqt li jiġu mmaniġġjati b’mod effettiv il-fruntieri esterni tal-UE, immodernizzar tas-sistema tal-ażil tal-UE u kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi sħab.

Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea

Tisħiħ tal-proċessi demokratiċi tal-Ewropa billi jiġu approfonditi r-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-parlamenti nazzjonali, protezzjoni tad-demokrazija tal-UE minn interferenza esterna, żgurar tat-trasparenza u l-integrità matul il-proċess leġiżlattiv, kif ukoll involviment b’mod usa’ maċ-ċittadini tal-UE fit-tfassil tal-futur tal-UE.

Aktar dwar il-prijoritajiet tal-Kummissjoni

Aktar dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni skont it-tema