Mur għall-kontenut ewlieni
Bandiera tal-Unjoni Ewropea
European Union

Il-bandiera Ewropea

Is-simboliżmu

Il-bandiera Ewropea saret waħda mill-aktar simboli li jintgħarfu fl-Ewropa u madwar id-dinja. Tissimbolizza kemm lill-Unjoni Ewropea kif ukoll, b’mod aktar ġenerali, l-identità u l-unità tal-Ewropa. Mhijiex biss emblema istituzzjonali iżda, aktar minn hekk, tirrappreżenta l-valuri u l-identità komuni ta’ miljuni ta’ Ewropej magħqudin fid-diversità tagħhom. 

Fiha ċirku ta’ 12-il kewkba tad-deheb fuq sfond blu, li jirrappreżentaw l-ideali tal-għaqda, tas-solidarjetà, u tal-armonija fost il-popli tal-Ewropa. 

L-għadd tal-kwiekeb m’għandu x’jaqsam xejn mal-għadd tal-pajjiżi tal-UE, għalkemm iċ-ċirku hu simbolu tal-għaqda.

L-istorja

L-istorja tal-bandiera bdiet fl-1955 meta l-Kunsill tal-Ewropa, organizzazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, għażel id-disinn attwali biex jużah għalih. Tliet deċennji wara, l-istituzzjonijiet Ewropej adottaw l-istess bandiera.

  1. Diċembru 1955

    Il-Kunsill tal-Ewropa, organizzazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li hi separata mill-UE, jadotta l-bandiera bħala l-emblema uffiċjali tiegħu.

  2. April 1983

    Il-Parlament Ewropew jipproponi li l-bandiera tiġi adottata għall-Komunitajiet Ewropej, li aktar tard saru l-UE.

  3. Ġunju 1985

    Il-mexxejja tal-UE jadottaw il-bandiera bħala l-emblema uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li aktar tard saru l-UE.

  4. Mejju 1986

    Il-bandiera Ewropea tittella’ għall-ewwel darba barra l-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.

  5. Jannar 2002

    L-euro jibda jiċċirkola fil-forom ta’ karti tal-flus u muniti fi 12-il pajjiż tal-UE. Il-bandiera tidher fuq il-karti tal-flus tal-euro bħala simbolu tal-identità Ewropea.

  6. Novembru 2015

    Tinħareġ munita kommemorattiva tal-euro biex timmarka t-30 sena minn mindu l-UE adottat il-bandiera. Iddisinjaha Georgios Stamatopoulos, inċiżur tal-Bank tal-Greċja. Fiha 12-il kewkba li jittrasformaw f’figuri umani qed jifirħu bit-twelid ta’ Ewropa ġdida. Agħti daqqa t’għajn lejn id-disinn rebbieħ

  7. Ġunju 2025

    Niċċelebraw l-40 sena minn mindu l-UE adottat il-bandiera bħala l-emblema uffiċjali tagħha. Il-bandiera Ewropea llum il-ġurnata tirrappreżenta l-aspirazzjonijiet ta’ miljuni ta’ Ewropej għal kontinent magħqud fis-sliem, fil-prosperità, u fir-rispett għad-dinjità tal-bniedem. 

Fejn tista’ tara l-bandiera

Fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, tiltaqa’ mal-bandiera f’ħafna postijiet:  

  • quddiem il-kunsilli lokali, il-binjiet tal-gvern, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, l-universitajiet, il-pjazez pubbliċi, u r-rappreżentanzi diplomatiċi
  • fuq wieħed mill-ħafna proġetti u inizjattivi li l-UE tappoġġa, jew fuq l-għajnuna pprovduta fi żminijiet ta’ bżonn jew ta’ diżastru — fil-pajjiżi tal-UE u madwar id-dinja
  • fuq il-passaport tiegħek u fuq il-karti tal-euro li għandek fil-kartiera
  • f’kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali bħal-Laver Cup tat-tennis, ir-Ryder Cup tal-golf, u ċ-Champions League tal-UEFA
  • barra mill-Unjoni Ewropea, fejn ħafna nies jużawha minħabba dak li tirrappreżenta. Mill-Ukrajna fl-2014 sal-Georgia fl-2024, ħafna huma dawk li b’kuraġġ xejru l-bandiera għax imxennqin biex iqarrbu lin-nazzjonijiet tagħhom lejn il-proġett Ewropew.

Niżżel kopja tal-bandiera Ewropea

Għandek bżonn immaġni tal-bandiera Ewropea? Hawn taħt tista’ tikseb aċċess għal riproduzzjonijiet uffiċjali tal-bandiera b’riżoluzzjoni għolja u baxxa.