Drittijietek u r-regoli tal-UE
Bħala ċittadin tal-UE, int tgawdi d-dritt tal-moviment liberu. Dan ifisser li għandek id-dritt li tivvjaġġa, taħdem, u tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE. Jekk int ċittadin ta’ pajjiż ta’ Schengen — jiġifieri tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE — għandek ukoll il-libertà li tivvjaġġa lejn pajjiżi oħrajn ta’ Schengen mingħajr il-ħtieġa ta’ kontrolli fil-fruntieri.
Bħala ċittadin tal-UE, tista’ tibbenefika wkoll mid-drittijiet tal-UE għall-passiġġieri meta tivvjaġġa lejn l-UE, ’il barra minnha, jew ġo fiha bl-ajru, bil-ferrovija, bix-xarabank/bil-kowċ, jew bil-vapur. Tista’ tivvjaġġa b’annimali domestiċi u annimali oħrajn fl-UE dment li tikkonforma mar-regoli (passaporti għall-annimali domestiċi). L-UE għandha limiti dwar kemm tista’ ġġorr miegħek alkoħol, tabakk, jew flus kontanti lejn pajjiż ieħor tal-UE. Kull pajjiż tal-UE jista’ jistabbilixxi l-limiti jew ir-restrizzjonijiet tiegħu, u għalhekk tajjeb li tiċċekkja qabel tmur.
Se tivvjaġġa lejn l-UE jew fiha? Segwi l-links ta’ hawn taħt biex tkun taf liema huma d-dokumenti li trid tieħu miegħek.
Id-dokumenti li teħtieġ biex tivvjaġġa fl-UE
Informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa miċ-ċittadin tal-UE, mill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini tal-UE, mill-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE, u mit-tfal meta jidħlu fl-UE jew jivvjaġġaw fiha. Sir af x’għandek tagħmel jekk titlef il-passaport tiegħek jew jekk jiskadi meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE.
Ir-Reġistru Pubbliku Online ta' Dokumenti Awtentiċi tal-Identità u tal-Ivvjaġġar (PRADO)
Ara d-dokumenti awtorizzati tal-ivvjaġġar u tal-identità maħruġin mill-pajjiżi tal-UE u mill-Iżlanda, min-Norveġja, u mill-Iżvizzera.
Schengen — iż-żona li fiha tista’ tivvjaġġa mingħajr dokumenti tal-identità
X’inhi?
Iż-żona Schengen hi żona li fiha tista’ tivvjaġġa mingħajr fruntieri bejn id-29 pajjiż li jagħmlu parti minnha. Liċ-ċittadini tal-UE u lil ħafna ċittadini mhux tal-UE tippermettilhom jivvjaġġaw b’mod liberu mingħajr kontrolli mal-fruntieri. Mill-1985 ’l hawn iż-żona kompliet tikber u bħalissa tkopri kważi l-pajjiżi kollha tal-UE u ftit pajjiżi mhux tal-UE (il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera). Tiggarantixxi l-moviment liberu lil aktar minn 400 miljun ċittadin tal-UE.
Kwalunkwe persuna, hi x’inhi n-nazzjonalità tagħha, tista’ tivvjaġġa bejn il-pajjiżi ta’ Schengen mingħajr ma jagħmlulha kontrolli fil-fruntieri. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jwettqu kontrolli bil-pulizija fil-fruntieri bejn dawn il-pajjiżi u fiż-żoni tal-fruntiera.
Minħabba li neħħew il-fruntieri interni tagħhom, il-pajjiżi ta’ Schengen issikkaw ukoll il-kontrolli mal-fruntieri esterni komuni tagħhom abbażi tar-regoli ta’ Schengen biex jiggarantixxu s-sigurtà ta’ dawk li jgħixu jew jivvjaġġaw fiż-żona Schengen.
Dawn huma l-pajjiżi kollha ta’ Schengen
Il-politika komuni dwar il-viżi
Il-politika komuni dwar il-viżi tippermetti lill-viżitaturi mhux mill-UE jagħmlu tranżitu jew soġġorni qosra lejn iż-żona Schengen. Viża għal soġġorn qasir maħruġa minn wieħed mill-pajjiżi ta’ Schengen ġeneralment tintitolahom li jivvjaġġaw fil-pajjiżi kollha ta’ Schengen sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
Fil-prattika, dan ifisser li jekk tingħata l-awtorizzazzjoni biex tidħol f’pajjiż ta’ Schengen, tista’ tivvjaġġa lejn kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi l-oħrajn ta’ Schengen mingħajr ma jkollok għalfejn terġa’ turi d-dokument tal-ivvjaġġar tiegħek.
Segwi l-links ta’ hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar drittijietek meta tivvjaġġa fl-UE.
Informazzjoni dwar x’tista’ tieħu miegħek meta tivvjaġġa fl-UE, inklużi annimali domestiċi, ikel, alkoħol, tabakk, u flus kontanti. Sir af x’inhuma r-restrizzjonijiet fuq il-bagalji meta ttir minn ajruport fl-UE u liema pajjiżi tal-UE jużaw l-ewro.
Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru
Informazzjoni dwar fejn u meta japplikaw id-drittijiet tal-UE għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru u kif tressaq ilment. Sir af lil min għandek tikkuntattja jekk ikollok bżonn l-għajnuna jew parir dwar it-talba tiegħek.
L-assistenza għall-vjaġġaturi b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa
Informazzjoni dwar drittijietek jekk qed tivvjaġġa fl-UE b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Ara jekk għandekx dritt għal permess tal-UE għall-parkeġġ għal persuni b’diżabbiltà.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 21 April 2026