Il-kisbiet u l-benefiċċji | L-Unjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Sit web uffiċjali tal-Unjoni EwropeaSit web uffiċjali tal-UE

Il-kisbiet ewlenin u l-benefiċċji tanġibbli tal-Unjoni Ewropea

L-UE kisbet affarijiet kbar għaċ-ċittadini tagħha u għad-dinja:

  • il-libertà li ċ-ċittadini tagħha jgħixu, jistudjaw, jew jaħdmu fejn iridu fl-UE
  • il-prosperità, bis-saħħa tal-akbar suq uniku fid-dinja u ta’ munita komuni
  • it-tkabbir, bis-saħħa tal-akbar blokk kummerċjali fid-dinja 
  • il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, diġitali, soċjali, ekonomiċi, u oħrajn taċ-ċittadini
  • l-ivvjaġġar mingħajr fruntieri bis-saħħa taż-żona Schengen
  • li qegħdin fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fil-protezzjoni tal-ambjent, u fl-iżgurar tal-enerġija sostenibbli
  • il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini minn theddid lokali u globali għas-saħħa u l-garanzija tas-sikurezza tal-ikel
  • l-appoġġ u s-solidarjetà fi żminijiet ta’ bżonn minħabba diżastri naturali, kriżijiet ekonomiċi, jew pandemija
  • is-sliem fl-UE u l-istabbiltà għal aktar minn 70 sena
  • l-espansjoni u l-għaqda bis-saħħa tat-tkabbir tal-UE
  • l-għajnuna u l-assistenza għall-iżvilupp għal miljuni ta’ nies mad-dinja kollha.

Is-suq uniku  

L-UE hija sinonima mal-prosperità bis-saħħa tal-magna ekonomika ewlenija tagħha, is-suq uniku, li jagħmilha possibbli li l-oġġetti, is-servizzi, il-flus, u n-nies jiċċaqilqu b’mod ħieles fil-biċċa l-kbira tal-kontinent mingħajr ma jiġu imblukkati minn elementi tekniċi, legali, u burokratiċi. Dan jiffaċilita l-attivitajiet tan-negozju tal-kumpaniji u jgħin lill-konsumaturi biex jiffrankaw il-flus.

Il-benefiċċji għan-nies 

Sar faċli li tiċċaqlaq fl-Ewropa — iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jgħixu, jistudjaw, jaħdmu, jew jirtiraw fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. 

Bħala ċittadin tal-UE, għall-finijiet ta’ impjieg, sigurtà soċjali, u taxxa, kull pajjiż tal-UE huwa marbut li jittrattak eżatt kif jittratta liċ-ċittadini tiegħu stess.  

Dawn huma xi eżempji ta’ kisbiet li saru possibbli bis-saħħa tas-suq uniku:  

  • Il-benefiċċji għall-konsumaturi: Wieħed mill-akbar benefiċċji tas-suq uniku huwa l-prezzijiet aktar baxxi u l-għażla akbar li jġib miegħu. Peress li m’hemm l-ebda tariffa jew element li jimblukka l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE, in-negozji jistgħu jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom irrispettivament mill-fruntieri u mingħajr spejjeż żejda. Dan iwassal għal prezzijiet aktar kompetittivi. Barra minn hekk, il-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jiżguraw li ċ-ċittadini jgawdu l-istess drittijiet madwar l-UE kollha, inklużi politiki dwar ir-ritorn fi żmien 14-il jum tax-xirjiet li jsiru online u l-garanziji fuq oġġetti difettużi. Ir-regoli dwar l-ipprezzar ġust ma jħallux li ssir diskriminazzjoni fil-prezzijiet, u b’hekk jiġi żgurat li n-nies f’pajjiż wieħed ma jħallsux prezzijiet inġustament ogħla minn dawk f’pajjiż ieħor
  • Is-servizzi tat-telefown u dawk diġitali: Bis-saħħa tat-tmiem tar-regoli dwar ir-roaming, tista’ tuża s-servizzi tat-telefown u onlinemingħajr ebda spiża żejda madwar l-UE kollha
  • Ċarġer komuni: Daħlu regoli ġodda li jiżguraw li tkun tista’ tiċċarġja l-mowbajl u apparat elettroniku ieħor billi tuża tip wieħed biss ta’ ċarġer. Dan mhux biss aktar konvenjenti għalik iżda jgħin ukoll biex jitnaqqas l-iskart elettroniku
  • L-effiċjenza enerġetika tal-prodotti: Bis-saħħa tat-tikketti tal-enerġija tal-UE, tista’ tara kemm apparat ikun juża enerġija u ilma. Bis-saħħa tar-regoli dwar l-ekodisinn il-prodotti domestiċi bħall-friġġijiet u l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ qed isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’hekk jikkontribwixxu biex jiġu ffrankati l-enerġija u l-flus.

Il-benefiċċji għan-negozji 

Is-suq uniku jgħin lill-kumpaniji, speċjalment lin-negozji ż-żgħar, jattiraw l-investiment sabiex ikunu jistgħu jikbru madwar l-UE u madwar id-dinja. Barra minn hekk, jipproteġi lill-kumpaniji mix-xokkijiet eventwali għall-ktajjen tal-provvista tagħhom, billi jagħmilhielhom aktar faċli biex isibu fornituri u sħab ġodda. B’dan il-mod, is-suq uniku għen lill-pajjiżi biex jingħaqdu flimkien f’solidarjetà u jegħlbu d-diffikultajiet, bħall-pandemija tal-COVID-19. Dan ippermetta lill-pajjiżi Ewropej jipprovdu vaċċini li jsalvaw il-ħajja, iniedu pjan ta’ rkupru tranżnazzjonali, u jiggwidaw ir-rispons globali għall-pandemija.  

L-UE taħdem biex tagħti spinta lill-kompetittività tan-negozji, b’mod partikolari n-negozji żgħar u ta’ daqs medju, u biex tiżgura li dawn jiddiġitalizzaw u jiddekarbonizzaw ruħhom. Qed tiżviluppa standards Ewropej effettivi u qed tippromwovi standards internazzjonali għar-rapportar finanzjarju u mhux finanzjarju kif ukoll għall-awditjar.  

L-UE tiżgura li int tkun protett kontra l-iżvantaġġi tal-globalizzazzjoni:

  • bl-appoġġ tal-UE għan-negozji ż-żgħar
  • b’regoli biex jiġi żgurat li l-kumpaniji l-kbar iħallsu s-sehem ġust tagħhom mit-taxxi

L-UE tista’ tgħin ukoll jekk bħala sid ta’ negozju tkun ġejt trattat b’mod inġust.

Il-finanzjament u l-innovazzjoni

It-tkabbir ekonomiku jserraħ fuq l-impenn tal-UE li tappoġġa l-innovazzjoni lokali. L-UE qed tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-programm tagħha Orizzont Ewropa. Aktar minn 30 riċerkatur tal-UE li ġew iffinanzjati permezz ta’ dan il-programm rebħu Premjijiet Nobel.  

Waħda mill-aktar kisbiet sinifikanti tal-UE fil-qasam tal-innovazzjoni kienet it-tnedija tal-Galileo, is-sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita tal-Ewropa. Il-Galileo ilha sa mill-2016 tgħinna nsibu, fuq l-ismartphone tagħna, fejn inkunu qegħdin. Bħalissa, tipprovdi informazzjoni dwar in-navigazzjoni u dwar il-ħin lil aktar minn 4 biljun persuna madwar id-dinja. Il-Galileo ssostni wkoll l-operazzjonijiet ta’ kuljum ta’ firxa wiesgħa ta’ industriji bħat-trasport, il-loġistika, it-telekomunikazzjoni, u l-enerġija. 

L-UE toffri wkoll ħafna opportunitajiet ta’ finanzjament biex tikkontribwixxi sabiex in-negozju tiegħek ikollu s-sostenn meħtieġ. Jekk qed taħdem fis-settur agrikolu, il-politika agrikola komuni stabbiliet diversi skemi biex jgħinuk tespandi l-kumpanija tiegħek. Hemm ukoll disponibbli fondi tal-UE speċifikament għal dawk li jaħdmu fl-oqsma tas-sajd, tal-azzjoni klimatika, tal-innovazzjoni, tal-enerġija, tat-trasport, u tal-ICT li jridu jespandu l-kumpaniji tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.  

Il-munita komuni

L-ewro, li ġie varat fl-1999, issa huwa l-munita uffiċjali ta’ 20 pajjiż tal-UE, u jużawh kważi 350 miljun ruħ. Ta spinta lill-integrazzjoni Ewropea u saħħaħ is-suq uniku billi elimina r-riskju tal-fluttwazzjoni monetarja u l-ispejjeż tal-kambju — minn dan gawdejna lkoll.

Il-kummerċ 

L-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja. Hija l-akbar esportatur dinji ta’ prodotti u servizzi manufatturati, u hi l-akbar suq tal-importazzjoni għal aktar minn 100 pajjiż.

Il-kummerċ ħieles bejn il-membri tagħha kien wieħed mill-prinċipji tal-bidu tal-UE. Dan hu possibbli bis-saħħa tas-suq uniku. Lil hinn mill-fruntieri tagħha, l-UE hi impenjata wkoll li tilliberalizza l-kummerċ dinji.

L-UE kisbet pożizzjoni b’saħħitha għax il-membri tagħha tkellmu b’vuċi waħda fix-xena dinjija, minflok aġixxew bi strateġiji kummerċjali separati. L-UE hija waħda mill-akbar atturi globali fil-kummerċ internazzjonali, b’madwar 14 % tal-kummerċ dinji tal-merkanzija, u għandha 74 ftehim individwali ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk, qed tkompli tneħħi l-elementi li jimblukkaw il-kummerċ fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja.

Fl-istess ħin, l-unjoni doganali tal-UE tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji tal-UE biex jinnegozjaw, tallinja d-dazji doganali fuq il-merkanzija minn barra l-UE, u tgħin biex tipproteġi lilek, lill-annimali, u lill-ambjent. Bis-saħħa ta’ din l-unjoni, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi kollha tal-UE jaħdmu flimkien daqslikieku kienu ħaġa waħda. Japplikaw l-istess tariffi għall-oġġetti importati fit-territorju tagħhom mill-bqija tad-dinja, u ma japplikaw ebda tariffa internament.

L-ivvjaġġar mingħajr fruntieri

Bis-saħħa tal-fatt li l-UE ħolqot iż-żona Schengen mingħajr fruntieri, aktar minn 425 miljun ċittadin tal-UE jgawdu minn moviment liberu flimkien ma’ ċittadini mhux tal-UE li jgħixu fl-Unjoni jew li jżuruha.

Iż-żona Schengen tinkludi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, ħlief għal Ċipru u l-Irlanda. Issieħbu fiha wkoll ċerti pajjiżi mhux tal-UE bħall-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera, u l-Liechtenstein. Ir-residenti kollha tal-pajjiżi parteċipanti jistgħu jiċċaqalqu f’din iż-żona mingħajr ma jkunu soġġetti għal kontrolli fil-fruntieri.

Il-protezzjoni tad-drittijiet u tad-demokrazija 

Iċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn ħafna libertajiet u protezzjonijiet, inklużi d-drittijiet personali, ċivili, politiċi, ekonomiċi, u soċjali, il-protezzjoni tad-data personali, il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni, u l-ivvjaġġar mingħajr fruntieri fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE.  

Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jieħdu sehem b’mod attiv fil-ħajja politika tal-UE. Kull ċittadin adult tal-UE għandu d-dritt li joħroġ bħala kandidat għall-Parlament Ewropew — li huwa l-unika assemblea tranżnazzjonali fid-dinja li tiġi eletta direttament — u jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu fih.  

Minbarra bil-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, tista’ tikkontribwixxi għall-inizjattivi politiċi tal-UE billi tieħu sehem fil-panels taċ-ċittadini Ewropej. Permezz ta’ dawn il-panels, tista’ tieħu sehem fil-proċess demokratiku flimkien ma’ nies oħrajn mill-pajjiżi kollha tal-UE biex tiddiskuti proposti imminenti ewlenin li jaffettwawna lkoll. 

Kull ċittadin tal-UE jgawdi mill-istess drittijiet fundamentali bbażati fuq il-valuri tal-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni, id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, u d-demokrazija. Dawn il-valuri huma msaħħin u protetti mill-istat tad-dritt, kif spjegat fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.  

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw, u jiżżewġu f’pajjiżi oħrajn tal-UE. L-UE taħdem biex iżżomm id-data personali tiegħek sikura u biex tagħtik aktar poter bħala konsumatur, ħaddiem, u ċittadin. Sir af iżjed dwar drittijietek hawn taħt.

  • L-impjieg: Kull ħaddiem tal-UE jgawdi ċerti drittijiet minimi dwar:

    • is-saħħa u sikurezza fil-post tax-xogħol;
    • opportunitajiet indaqs;
    • il-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.

    Fl-UE, l-għadd massimu ta’ sigħat li xi ħadd jista’ jaħdem fi kwalunkwe perjodu ta’ 7 ijiem huwa 48 siegħa. Il-perjodu minimu ta’ liv imħallas garantit għal kull ħaddiem fis-sena huwa 4 ġimgħat.  

  • Il-protezzjoni tad-data: L-UE ħadet pożizzjoni b’saħħitha biex tipproteġi d-drittijiet individwali u l-informazzjoni personali sabiex tiżgura li lkoll kemm aħna jkollna aktar kontroll fuq id-data personali tagħna u li jkollna d-dritt li d-data tagħna titħassar. Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data personali tiegħek kull meta tinġabar — pereżempju, meta tixtri xi ħaġa online, tapplika għal impjieg, jew titlob għal self mill-bank. Dawn ir-regoli japplikaw kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-organizzazzjonijiet (pubbliċi u privati) ibbażati fl-UE u barra mill-UE li joffru prodotti jew servizzi fl-UE.  
  • L-ivvjaġġar u l-ħlasijiet: Bir-regoli tal-UE, tieħu flusek lura jekk tirritorna prodotti mhux mixtieqa u tingħata rifużjoni jekk tesperjenza xi dewmien jew kanċellazzjonijiet li setgħu jiġu evitati waqt li tkun qed tivvjaġġa. Barra minn dan, m’għadux il-każ li trid tħallas xi tariffi addizzjonali jekk tixtri b’kard ta’ kreditu jew ta’ debitu fl-UE. Il-pagamenti istantanji introdotti mill-UE jfissru li l-fondi jkunu disponibbli f’kont tal-benefiċjarju f’temp ta’ 10 sekondi minn mindu ssir ordni ta’ pagament.
  • Is-sikurezza tal-prodotti: Inti protett kontra prodotti perikolużi permezz tas-sistema ta’ twissija rapida tal-UE għal prodotti perikolużi mhux tal-ikel, bħal ġugarelli, sits tal-karozzi, u fwejjaħ. Is-sistema tippermetti li l-informazzjoni dwar il-miżuri meħudin kontra prodotti perikolużi mhux tal-ikel tiġi ċċirkolata malajr fost l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sikurezza tal-prodotti fil-pajjiżi tas-suq uniku. Teżisti sistema ta’ twissija simili għall-oġġetti tal-ikel li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-saħħa u tas-sikurezza.
  • Il-prodotti agrikoli: Il-protezzjoni tas-saħħa hija l-għan tal-liġijiet u tal-istandards kollha tal-UE fis-setturi tal-biedja u tal-ikel. Hemm liġijiet estensivi fil-livell tal-UE li jkopru l-katina sħiħa tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ikel fl-UE, kif ukoll l-oġġetti importati u esportati.
  • L-assigurazzjoni tas-saħħa: Permezz tal-fornitur tal-assigurazzjoni nazzjonali tiegħek, tista’ tikseb karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa mingħajr ħlas. Din tagħtik aċċess għal servizzi tas-saħħa medikament meħtieġa u mhux ippjanati, ipprovduti mill-Istat, waqt soġġorn temporanju fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera, u fir-Renju Unit, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess prezz (bla ħlas f’xi pajjiżi) bħall-persuni assigurati f’dak il-pajjiż.
  • Id-drittijiet diġitali: Il-liġijiet tal-UE jiżguraw li l-pjattaformi diġitali l-kbar jinżammu taħt kontroll u ma jkunux jistgħu joħolqu restrizzjonijiet fl-ekonomija diġitali minħabba l-pożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, isaħħu d-drittijiet tiegħek, b’mod partikolari fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali, biex:
    • jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet dwar il-moderazzjoni tal-kontenut
    • jiżdiedu r-rekwiżiti tat-trasparenza għall-pjattaformi online
    • jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-obbligi għall-protezzjoni tal-minorenni
    • jiġu stabbiliti limiti ġodda fuq ir-reklamar immirat.

Il-klima, l-enerġija, u l-ambjent  

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Waqt li tkompli taħdem biex sal-2050 tkun saret l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja, l-UE hija pijunier fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija tagħha. F’konformità mal-impenn tagħha fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015, fejn il-gvernijiet flimkien qablu dwar sforz kollettiv kbir biex jiġi limitat it-tisħin globali u jiġu indirizzati l-impatti tiegħu, l-UE impenjat ruħha li sal-2030 tkun naqqset l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Din il-mira ġiet minquxa fil-liġi.

L-UE qed tissieħeb ukoll ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tappoġġahom fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. L-UE, l-Istati Membri tagħha, u l-Bank Ewropew tal-Investiment, flimkien huma l-akbar kontributur ta’ finanzjament pubbliku għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Nipprovdu l-enerġija għall-Ewropa

L-UE rnexxielha tirreżisti riskji kritiċi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha, kisbet mill-ġdid kontroll fuq is-suq u l-prezzijiet tal-enerġija, u għaġġlet it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

Bis-saħħa tal-miżuri meħudin fil-livell tal-UE, il-prezzijiet tad-dawl u tal-gass għall-konsumaturi naqsu drastikament meta mqabblin mal-ogħla livelli fl-2022. Leġiżlazzjoni ġdida dwar is-suq tal-enerġija tfisser li anki dawk l-aktar vulnerabbli huma aktar protetti mill-interruzzjoni tal-fornituri.  

Bis-saħħa tal-miżuri tal-UE dwar l-enerġija, nofs il-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-UE issa ġejja minn sorsi rinnovabbli. L-enerġija mir-riħ qabżet il-gass u saret it-tieni l-akbar sors ta’ elettriku tal-UE, wara l-enerġija nukleari. 

Nipproteġu n-natura

L-UE żviluppat uħud mill-aktar standards ambjentali stretti fid-dinja. Il-politika tal-UE tfittex li timminimizza r-riskji għall-klima, għas-saħħa, u għall-bijodiversità.  

Wieħed mill-fatturi ewlenin li qed iwasslu għat-tibdil fil-klima u għat-telf tal-bijodiversità huwa d-deforestazzjoni. Din hija biss waħda mill-ħafna kwistjonijiet ambjentali li minħabba fihom l-UE ħadet azzjoni biex tipproteġi l-art tagħna.  

L-UE stabbiliet in-Natura 2000, li hija l-akbar network ikkoordinat ta’ żoni protetti fid-dinja. Kważi 20 % tal-art tal-UE hija parti min-network Natura 2000, li jippermetti li n-natura u l-bijodiversità jiffjorixxu.  

L-UE qed tindirizza wkoll l-10 oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss li l-aktar li jinstabu fil-bajjiet tal-Ewropa, u qed tippromwovi alternattivi sostenibbli. Barra minn hekk, l-UE qed tnaqqas l-għadd ta’ mwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis tal-arja u qed ittejjeb il-kwalità tal-ilma billi tnaqqas l-iskart mormi fl-ambjent u l-mikroplastiks.

Bosta sustanzi kimiċi għandhom karatteristiċi perikolużi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem. L-UE adottat madwar 40 liġi li jirregolaw is-sustanzi kimiċi, u b’hekk qed tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tnaqqas it-tniġġis mis-sustanzi kimiċi.

Is-saħħa

Meta d-dinja ntlaqtet mill-pandemija tal-COVID-19, l-UE għenet biex fi żmien rekord issir ir-riċerka u jinħarġu l-vaċċini li jsalvaw il-ħajja. Aktar minn 80 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE ħadu mill-inqas l-ewwel kors ta’ tilqim. L-UE wittiet it-triq ukoll billi introduċiet iċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE, li għen liċ-ċittadini minn 78 pajjiż u territorju jivvjaġġaw b’mod sikur. Is-sistema ġiet adottata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex tistabbilixxi sistema globali li tippermetti l-ivvjaġġar u tipproteġi lin-nies madwar id-dinja minn theddid kontinwu u futur għas-saħħa.

L-unjoni Ewropea tas-saħħa nħolqot biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jħejju u jirrispondu flimkien għall-kriżijiet tas-saħħa fil-futur. L-UE qed tiżgura li l-provvisti mediċi jkunu disponibbli u affordabbli, u li l-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien biex itejbu l-prevenzjoni, it-trattament, u l-kura ta’ wara t-trattament għal kull tip ta’ mard, inkluż il-kanċer. 

Il-pandemija għamlet ukoll pressjonijiet addizzjonali fuq is-saħħa mentali tan-nies, speċjalment fost iż-żgħażagħ u dawk li diġà kellhom kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali. Biex tindirizza l-kriżi tas-saħħa mentali, l-UE introduċiet 20 inizjattiva ewlenija fil-qasam tas-saħħa mentali sabiex tiżgura:

  • prevenzjoni adegwata u effettiva
  • aċċess għal servizzi u trattamenti ta’ kwalità għolja u bi prezzijiet konvenjenti fil-qasam tas-saħħa mentali
  • l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà wara l-irkupru.

Is-solidarjetà fi żminijiet ta’ kriżi

F’każ ta’ diżastru kbir, naturali jew ikkawżat mill-bniedem, l-UE tista’ tikkoordina t-twassil tal-għajnuna governattiva minn madwar l-UE liż-żona milquta. Ladarba l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili jiġi attivat minn pajjiż milqut minn diżastru, l-UE ssejjaħ lis-37 pajjiż parteċipant kollha biex jassistu. L-għajnuna mogħtija tista’ tvarja minn provvisti mediċi u oġġetti tax-xelter, għal timijiet speċjalizzati bħal pumpieri jew timijiet tat-tiftix u s-salvataġġ.

S’issa l-UE forniet sostenn f’kull parti tal-kontinent u lil hinn minnu; mit-tneħħija tat-tifrik sigħat biss wara terremoti fatali li ddevastaw l-Albanija, il-Kroazja, u t-Turkija, għal għajnuna lill-Greċja, lill-Italja, lil Spanja, u lill-Kanada meta dawn intlaqtu minn nirien fil-foresti jew minn għargħar għal għarrieda f’dawn l-aħħar snin.

L-assistenza ta’ emerġenza lill-Ukreni s’issa kienet l-akbar operazzjoni li qatt saret taħt il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili.

It-tkabbir tal-UE 

Minn mindu twaqqfet fl-1951, l-UE espandiet minn 6 pajjiżi għal 27 pajjiż, u għaqqdet lil-biċċa l-kbira tal-kontinent.

Dan ifisser li 450 miljun Ewropew illum il-ġurnata jgawdu l-libertà tal-moviment f’żona akbar u għandhom drittijiet u libertajiet aktar b’saħħithom. Id-demokrazija u l-istat tad-dritt issaħħew, minkejja li xi drabi kellhom jgħaddu minn mumenti ta’ prova. Kibru l-opportunitajiet kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji.

Il-proċess tat-tkabbir sar ukoll stimolu qawwi għal riformi demokratiċi u ekonomiċi f’dawk il-pajjiżi li jixtiequ jsiru membri tal-UE fil-futur.

Is-sliem u l-istabbiltà fl-UE 

Bis-saħħa tal-UE kellna aktar minn nofs seklu ta’ sliem, stabbiltà, u prosperità fl-UE. Fl-2012, ingħatat il-Premju Nobel għall-Paċi talli ġabet aktar minn 70 sena ta’ paċi dejjiema.

Dan l-aħħar, iżda, fl-Ewropa reġgħet tfaċċat il-gwerra. L-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja hija attakk mhux biss kontra l-Ukrajna iżda wkoll kontra l-libertà, l-awtodeterminazzjoni, u d-demokrazija. L-UE appoġġat lill-Ukrajna f’kull fażi, u se tkompli tappoġġaha sakemm ikun hemm bżonn.  

L-UE tippromwovi wkoll is-sliem, il-prosperità, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt madwar id-dinja. Taħdem biex issolvi l-kunflitti u tippromwovi ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.

L-għajnuna internazzjonali u d-diplomazija

Meta jaġixxu flimkien, il-pajjiżi tal-UE jkollhom leħen aktar qawwi fix-xena dinjija milli kieku kienu 27 nazzjon ta’ daqsijiet differenti li jaġixxu għal rashom. Meħudin flimkien, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali huma d-donatur ewlieni fid-dinja tal-assistenza għall-iżvilupp u jaħdmu b’mod kollettiv biex jippromwovu l-governanza tajba, jiġġieldu l-ġuħ, u jippreservaw ir-riżorsi naturali.

L-ikbar donatur tal-għajnuna fid-dinja

L-UE tipprovdi assistenza lil pajjiżi u popolazzjonijiet, kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha, meta jseħħu diżastri kbar jew emerġenzi umanitarji. Hija kollettivament l-akbar donatur tal-għajnuna internazzjonali fid-dinja, u tipprovdi aktar minn €50 biljun fis-sena biex tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar u biex tippromwovi l-iżvilupp globali.  

Kull sena, l-UE tipprovdi ikel, kenn, protezzjoni, servizzi tas-saħħa, u ilma nadif lil miljuni ta’ vittmi ta’ diżastri u kunflitti f’aktar minn 110 pajjiżi, inkluż permezz ta’ titjiriet li jservu ta’ pontijiet bl-ajru.  

Il-migrazzjoni

F’dawn l-aħħar snin, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil saret waħda mill-aktar preokkupazzjonijiet urġenti tal-Ewropej. Fl-2024 l-UE varat sistema komuni ġdida biex tiġġestixxi l-migrazzjoni b’mod dinjituż u sostenibbli. Is-sistema tistabbilixxi regoli sabiex l-ebda pajjiż tal-UE ma jitħalla waħdu fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u biex il-pajjiżi kollha japplikaw proċeduri ġusti u effiċjenti u jiġġestixxu l-fruntieri esterni tal-UE b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali.  

Id-diplomazija u s-sigurtà

L-UE tuża diversi għodod bħad-diplomazija, is-sanzjonijiet, u l-għajnuna biex tappoġġa l-istabbiltà u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti f’xi wħud mill-aktar reġjuni instabbli tad-dinja. Pereżempju, l-UE imponiet sanzjonijiet ekonomiċi massivi u bla preċedent kontra r-Russja biex tnaqqas il-kapaċità tagħha li tiffinanzja l-gwerra. 

Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

L-UE hija bbażata fuq impenn qawwi favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Hija tiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali, u kulturali u tippromwovi n-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali. 

Topponi l-forom kollha ta’ tortura, il-piena tal-mewt, u t-traffikar tal-bnedmin. Tipprovdi wkoll appoġġ biex jittejjeb ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f’pajjiżi u reġjuni fejn l-aktar li qegħdin f’riskju.