Wara aktar minn 3 snin, fil-5 ta’ Mejju 2023, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li l-COVID-19 m’għadhiex emerġenza tas-saħħa globali.
Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq in-nies, is-soċjetà, u l-ekonomija tagħna, iżda l-UE rnexxielha tegħlibha bis-saħħa tal-kooperazzjoni, id-determinazzjoni, ir-reżistenza, ix-xjenza u l-innovazzjoni tagħna.
L-UE mmobbilizzat ir-riżorsi kollha disponibbli biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jikkoordinaw ir-reazzjonijiet nazzjonali tagħhom, u dan kien jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni oġġettiva dwar it-tixrid tal-virus, l-isforzi effettivi biex dan jiġi kkontrollat u l-miżuri meħudin biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija.
Fl-UE kollha, il-ġesti ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u n-nies għenu fil-ġlieda u biex tingħeleb il-pandemija.
Biex tappoġġja lil dawk affettwati ekonomikament mill-pandemija, tagħti spinta lill-irkupru Ewropew, u tipproteġi u toħloq l-impjiegi, il-Kummissjoni Ewropea ressqet pjan ta’ rkupru kbir għall-Ewropa bbażat fuq l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-UE.
Minn din il-paġna, tista’ taċċessa għażla ta’ riżorsi dwar il-COVID-19 ippubblikati mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-pajjiżi tal-UE matul il-pandemija.