L-UE u l-Istati Membri tagħha
Maħluqa: fl-1951 wara t-Tieni Gwerra Dinjija minn sitt pajjiżi (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, u n-Netherlands).
Stati Membri attwali: 27 pajjiż.
Applikanti għal sħubija futura: 9 pajjiżi kandidati u kandidat potenzjali.
Struttura istituzzjonali: l-UE għandha struttura unika ta’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji li kollha jaħdmu għall-interessi komuni tal-UE u taċ-ċittadini Ewropej. Is-7 istituzzjonijiet Ewropej, it-8 korpi tal-UE u aktar minn 30 aġenzija deċentralizzata huma mifruxin fl-UE kollha.
Elezzjonijiet: L-elezzjonijiet Ewropej isiru kull ħames snin biex jiġu eletti Membri ġodda tal-Parlament Ewropew.
In-nies, id-daqs u l-fruntieri miftuħa
Popolazzjoni: aktar minn 448 miljun abitant li jirrappreżentaw 5.6% tal-popolazzjoni tad-dinja.
Evoluzzjoni tal-popolazzjoni: l-esperti jistmaw li l-popolazzjoni tal-UE se tikber b’mod kostanti sal-2026, u wara dan huwa previst li terġa’ tinżel għal 420 miljun sal-2100.
Soċjetajiet multikulturali: madwar 41 miljun resident tal-UE huma ċittadini barranin. Kważi 14-il miljun minnhom huma ċittadini ta’ Stati Membri tal-UE minbarra dak li jgħixu fih. Il-bqija huma ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE. Bħala medja, 3,1% tal-persuni li jgħixu f’pajjiż tal-UE huma minn pajjiż ieħor tal-UE, u 6,1% għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiż mhux tal-UE.
Daqs ġeografiku: 4 miljun km². Il-Ġermanja għandha l-akbar popolazzjoni tal-UE u Franza hija l-akbar pajjiż tal-UE f’termini ta’ erja. Malta hija l-iżgħar pajjiż tal-UE kemm f’termini ta’ abitanti kif ukoll ta’ erja tas-superfiċje.
Urbanizzazzjoni: 39% tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f’belt, 36% fl-ibliet u fis-subborgi, u 25% fiż-żoni rurali.
Fruntieri miftuħin: iż-żona Schengen ilha tippermetti lin-nies jiċċaqalqu mingħajr kontrolli fil-fruntieri mill-1985. Il-moviment liberu tal-persuni jfisser li kull ċittadin tal-UE jista’ jivvjaġġa, jaħdem u jgħix f’pajjiż tal-UE mingħajr formalitajiet speċjali. L-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief Ċipru u l-Irlanda, huma membri taż-żona Schengen. Il-Bulgarija u r-Rumanija ssieħbu l-aktar reċentement, f’Marzu 2024. 4 pajjiżi mhux tal-UE (l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein) huma wkoll parti minn Schengen.
Sorsi: Eurostat – data tal-2023 għall-popolazzjoni, il-projezzjoni tal-popolazzjoni, l-erja tas-superfiċje, iċ-ċittadinanza tal-popolazzjoni, il-popolazzjoni dinjija, il-popolazzjoni urbana u rurali, data tal-2022 għall-proporzjon fil-kummerċ dinji
L-ekonomija, il-kummerċ u l-finanzi tal-gvern
Suq uniku: l-Unjoni Ewropea topera bħala suq uniku magħmul mis-27 pajjiż tal-UE u, b’ċerti eċċezzjonijiet, minn 4 pajjiżi mhux tal-UE. Dan ifisser li l-oġġetti, is-servizzi, il-kapital u l-persuni jistgħu jiċċirkolaw liberament, mingħajr ostakli tekniċi, legali u burokratiċi.
Munita unika: l-euro, imniedi fl-1999, hu l-munita uffiċjali ta’ 20 pajjiż tal-UE. Dawn il-pajjiżi huma magħrufin bħala ż-żona tal-euro. L-euro avvanza l-integrazzjoni Ewropea billi ppermetta lin-nies fiż-żona tal-euro jieħdu vantaġġ mis-suq uniku. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jesportaw bejn 50% u 80% tal-oġġetti tagħhom lejn pajjiżi oħra fl-UE.
PDG: bħala waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja, il-PDG jew il-valur totali tal-oġġetti u s-servizzi kollha prodotti fl-UE huwa ta’ €17-il triljun. Il-Ġermanja għandha l-akbar proporzjon, segwita minn Franza u l-Italja. Is-servizzi jammontaw għal 72% tal-PDG tal-UE, u l-industrija għal kważi l-bqija kollha.
Kummerċ: l-UE hija l-akbar esportatur fid-dinja ta’ oġġetti u servizzi manifatturati. L-UE tirrappreżenta madwar 14% tal-kummerċ dinji f’oġġetti.
Sħab kummerċjali: l-Istati Uniti huma l-akbar destinazzjoni għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti tal-UE, filwaqt li ċ-Ċina hija l-akbar oriġini għall-importazzjonijiet tal-oġġetti. Is-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE għas-servizzi huma l-Istati Uniti u r-Renju Unit.
Baġit tal-UE: l-UE għandha l-baġit tagħha stess biex tiffinanzja l-prijoritajiet tal-UE u proġetti kbar li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE ma setgħux jiffinanzjaw waħedhom – jew minħabba d-daqs tal-proġett jew minħabba n-natura transfruntiera tiegħu. Il-baġit fit-tul attwali huwa mill-2021 sal-2027 u jammonta għal madwar €2 triljun.
Dejn id-defiċit tal-gvern ġenerali fl-UE kollha huwa ekwivalenti għal 3,5% tal-PDG. Id-dejn gross konsolidat fl-UE huwa ta’ 82% tal-PDG, tnaqqis mill-quċċata tiegħu tal-2020 ta’ 90% matul il-pandemija. Il-Greċja, l-Italja, Franza, Spanja u l-Belġju għandhom l-ogħla dejn, kollha bi proporzjonijiet ta’ dejn għall-PDG ogħla minn 100%. Il-Lussemburgu, il-Bulgarija u l-Estonja għandhom l-aktar proporzjonijiet baxxi.
Sors: Eurostat – data tal-2023 għall-PDG, is-setturi, il-kummerċ intra-UE, is-sħab kummerċjali għall-oġġetti, is-sħab kummerċjali għas-servizzi, id-defiċit tal-gvern, id-dejn gross konsolidat, data tal-2022 għall-proporzjon fil-kummerċ dinji
Enerġija u klima
Miri klimatiċi: fi triqitha biex issir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050, l-UE hija pijunier fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija tagħha. L-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990.
Emissjonijiet: matul l-aħħar għaxar snin, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-ekonomija tal-UE għal kull persuna impjegata naqsu b’26%.
Fjuwils fossili: 70% tal-enerġija kollha fl-UE għadha prodotta mill-faħam, iż-żejt u l-gass. L-UE qed taħdem biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq pajjiżi oħra għall-importazzjonijiet tal-fjuwil li bħalissa hija ta’ 63%.
Enerġija rinnovabbli: 23% tal-enerġija kkunsmata fl-UE diġà hija rinnovabbli, u dan is-sehem qed jikber b’mod kostanti. Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli issa huma s-sors ewlieni għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. L-Iżvezja hija fuq quddiem fost il-pajjiżi tal-UE, bi kważi żewġ terzi tal-konsum tal-enerġija tagħha ġej minn sorsi rinnovabbli, segwita mill-Finlandja, il-Latvja u d-Danimarka. L-Irlanda, Malta, il-Belġju u l-Lussemburgu għandhom l-aktar proporzjonijiet baxxi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Sors: Eurostat - data tal-2022 għall-fjuwils fossili, l-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, id-dipendenza enerġetika, u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra
Il-kwalità tal-ħajja, l-impjiegi u l-ugwaljanza
Stennija tal-għomor: kważi 79 sena għall-irġiel, 84 sena għan-nisa.
Saħħa: minn fost in-nies li jgħixu fl-UE li għandhom 16-il sena jew aktar, 68% jgħidu li jħossuhom f’saħħithom jew f’saħħithom ħafna.
Bidliet demografiċi: it-tixjiħ tal-popolazzjoni ġie osservat f’ħafna partijiet tal-Ewropa f’dawn l-aħħar deċennji. Dan se jkollu implikazzjonijiet serji fuq il-fondi tal-pensjonijiet, id-dħul tal-gvern u l-forniment ta’ servizzi bħas-saħħa u l-kura soċjali. L-għadd ta’ persuni fl-età tax-xogħol fl-UE meta mqabbel mal-għadd ta’ persuni akbar fl-età naqas minn 3,8 fl-2002 għal 2,8 sal-2022. Dan il-proporzjon se jkompli jonqos.
Rata tal-qgħad: 6,1%. Aktar mid-doppju taż-żgħażagħ ta’ bejn 15 u 24 sena jinsabu bla xogħol (14,5%).
Impjegaturi: is-settur tas-servizzi huwa bil-bosta l-akbar impjegatur fl-UE, b’sehem ta’ 74%. Il-bqija tal-forza tax-xogħol tinfirex bejn is-setturi tal-industrija, tal-kostruzzjoni, tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd.
Ugwaljanza bejn il-ġeneri: filwaqt li l-UE għamlet progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul dawn l-aħħar deċennji, fuq medja n-nisa fl-UE għadhom jaqilgħu 12,7% inqas mill-irġiel. Fuq ix-xogħol, l-irġiel ġeneralment jokkupaw pożizzjonijiet ogħla min-nisa. Pereżempju, in-nisa jirrappreżentaw ftit aktar minn terz (35%) tal-managers fl-UE. Il-proporzjon ta’ managers nisa ma jilħaq 50% fl-ebda pajjiż tal-UE iżda huwa ogħla minn 40% fil-Latvja, fil-Polonja, fl-Iżvezja, fil-Bulgarija u fil-Finlandja. Ċipru, il-Lussemburgu u l-Kroazja għandhom l-inqas managers nisa.
Inflazzjoni: 6,4% (fl-2023). Il-prezzijiet tal-ikel, ix-xorb u l-alkoħol żdiedu l-aktar f’dawn l-aħħar snin. Wara żieda qawwija fl-2022 u l-2023, il-kost tat-trasport, l-akkomodazzjoni, l-ilma, l-elettriku, il-gass u fjuwils oħra issa naqas b’mod sinifikanti.
Riskju ta’ faqar: 94.6 miljun persuna fl-UE jinsabu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Aktar minn wieħed minn kull ħames Ewropej li jgħixu f’unità domestika bi tfal dipendenti jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. 31% tal-Ewropej li jgħixu f’unitajiet domestiċi privati wkoll ma jistgħux ilaħħqu ma’ spiża finanzjarja mhux mistennija. Ir-riskju tal-faqar huwa l-ogħla fir-Rumanija u fil-Bulgarija, u l-aktar baxx fiċ-Ċekja u fis-Slovenja.
Sors: Eurostat – data tal-2023 għall-istennija tal-għomor, il-perċezzjoni tas-saħħa, il-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata, il-qgħad, is-setturi tal-impjiegi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-uunitajiet domestiċi li jiffaċċjaw spiża finanzjarja mhux mistennija, l-inflazzjoni, l-inflazzojni skont il-kategorija, id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, il-maniġers, data tal-2022 għall-konsum għal kull unità domestika
L-edukazzjoni, il-lingwi u t-turiżmu
Kultura u multilingwiżmu: l-UE għandha diversità kulturali u lingwistika rikka. Il-lingwi mitkellma fil-pajjiżi tal-UE huma parti essenzjali mill-wirt kulturali tagħha. Huwa għalhekk li l-UE tappoġġja l-multilingwiżmu u għandha 24 lingwa uffiċjali.
Tagħlim tal-lingwi: fl-iskola, l-istudenti huma mħeġġa jitgħallmu lingwi ġodda minn età bikrija. Dan jippromwovi l-kuntatt ma’ persuni bejn il-fruntieri u jagħmel l-istudju barra mill-pajjiż aktar faċli. 49% tal-istudenti fit-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja fl-UE jistudjaw żewġ lingwi barranin jew aktar.
Gradwati universitarji: aktar minn 4 miljun gradwat kull sena. L-aktar oqsma komuni ta’ studju huma: in-negozju, l-amministrazzjoni u l-liġi; l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni; u s-saħħa u l-benessri.
Skambji ta’ studenti: mill-1987, l-iskambji tal-istudenti fl-UE huma organizzati permezz tal-programm Erasmus+ Fl-ewwel sena, ipparteċipaw 3,200 student minn 11-il pajjiż Ewropew. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Erasmus+ ippermetta lil 15-il miljun persuna jgħixu u jistudjaw f’34 pajjiż fl-UE u lil hinn minnha.
Turiżmu: l-UE hija d-destinazzjoni turistika ewlenija fid-dinja, b’60% tal-viżitaturi internazzjonali tad-dinja. Il-Ġermanja, l-Italja, Franza u Spanja huma fost l-aktar destinazzjonijiet popolari fid-dinja, bit-turisti jonfqu aktar minn 430 miljun lejl fis-sena f’kull wieħed minn dawn l-erba’ pajjiżi. Ir-residenti tal-UE jagħmlu wkoll kważi 1.1 biljun vjaġġ turistiku f’sena għal skopijiet personali jew professjonali, jew f’pajjiżhom stess jew f’pajjiż ieħor tal-UE. Dan il-moviment liberu huwa ffaċilitat mill-fruntieri miftuħa tal-UE.
Sors: Eurostat – data tal-2023 għall-istudenti u l-lingwi studjati, il-gradwati universitarji, l-oqsma ta’ studji universitarji, l-iljieli tat-turiżmu, it-turiżmu, il-vjaġġi mill-Ewropej, data tal-2022 għall-istudju f’pajjiż barrani