Ħarsa ġenerali
- Rwol: Korp tal-UE elett b’mod dirett b’responsabbiltajiet leġiżlattivi, superviżorji u baġitarji
- Membri: 720 MPE (Membri tal-Parlament Ewropew)
- President: Roberta Metsola
- Stabbilit: fl-1952 bħala l-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, fl-1962 bħala Parlament Ewropew, l-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979
- Post: Strasburgu (Franza), Brussell (il-Belġju), il-Lussemburgu
- Sit web: Il-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew hu l-korp tal-UE fejn jitfasslu l-liġijiet. Hu elett direttament mill-votanti tal-UE kull 5 snin.
L-aħħar elezzjonijiet Ewropej saru fis-6-9 ta’ Ġunju, 2024.
X’jagħmel il-Parlament?
Il-Parlament għandu tliet rwoli prinċipali:
Rwol leġiżlattiv
- Jgħaddi l-liġijiet tal-UE, flimkien mal-Kunsill tal-UE, abbażi ta’ proposti mill-Kummissjoni Ewropea.
- Jiddeċiedi dwar ftehimiet internazzjonali
- Jiddeċiedi dwar it-tkabbir
- Jagħmel rieżami tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni u jitlobha tipproponi leġiżlazzjoni
Rwol superviżorju
- Iwettaq skrutinju demokratiku tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE
- Jeleġġi l-President tal-Kummissjoni u japprova l-Kummissjoni bħala korp wieħed. Hemm il-possibbiltà ta’ votazzjoni ta’ mozzjoni ta’ ċensura, li tobbliga lill-Kummissjoni tirriżenja
- Jagħti kwittanza, jiġifieri japprova l-mod li bih jintefqu l-baġits tal-UE
- Jeżamina l-petizzjonijiet taċ-ċittadini u jwaqqaf l-inkjesti
- Jiddiskuti l-politika monetarja mal-Bank Ċentrali Ewropew
- Ipoġġi mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill
- Iwettaq osservazzjonijiet tal-elezzjonijiet
Rwol baġitarju
- Jistabbilixxi l-baġit tal-UE, flimkien mal-Kunsill
- Japprova l-baġit fit-tul tal-UE, il-“Qafas Finanzjarju Pluriennali”
Kompożizzjoni
In-numru ta’ MPE għal kull pajjiż hu bejn wieħed u ieħor proporzjonat għall-popolazzjoni tiegħu, iżda dan isir permezz ta’ proporzjonalità digressiva: l-ebda pajjiż ma jista’ jkollu inqas minn 6 jew iżjed minn 96 MPE u n-numru totali ma jistax jaqbeż 750 (u l-President). Il-MPE huma miġbura skont l-affiljazzjoni politika, u mhux skont in-nazzjonalità.
Il-President jirrappreżenta l-Parlament mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mad-dinja ta' barra u jagħti l-approvazzjoni finali għall-baġit tal-UE.
Kif jaħdem il-Parlament?
Ix-xogħol tal-Parlament huwa maqsum f’żewġ stadji ewlenin:
- Il-kumitati - biex iħejju l-leġiżlazzjoni.
Fil-Parlament hemm 20 kumitat u tliet sottokumitati, kull wieħed jittratta qasam ta’ politika partikolari. Il-kumitati jeżaminaw proposti għal-leġiżlazzjoni, u l-MPE u l-gruppi politiċi jistgħu jressqu emendi jew jipproponu r-rifjut ta’ proposta. Dawn il-kwistjonijiet huma wkoll diskussi fi ħdan il-gruppi politiċi. - Is-sessjonijiet plenarji – biex tgħaddi l-leġiżlazzjoni.
Dan huwa meta jinġabru l-MPE kollha fil-Kamra biex jagħtu vot finali dwar il-leġiżlazzjoni proposta u l-emendi proposti. Normalment isiru fi Strasburgu għal erbat ijiem fix-xahar, iżda xi drabi jkun hemm sessjonijiet addizzjonali fi Brussell.
Il-Parlament u int
Jekk tixtieq tistaqsi lill-Parlament biex jaġixxi dwar xi kwistjoni, tista’ tibgħat petizzjoni dwarha (jew bil-posta jew online).
Il-petizzjonijiet jistgħu jkopru kwalunkwe suġġett li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UE.
Biex tressaq petizzjoni, trid tkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE jew tkun resident fl-UE. Kumpaniji jew organizzazzjonijiet oħra jridu jkunu bbażati hawnhekk.
Modi oħra kif tikkuntattja lill-Parlament jinkludu l-kuntatt mal-MPE lokali tiegħek jew mal-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f'pajjiżek.
Aċċess għad-dokumenti
Aġenda tal-President tal-Parlament Ewropew
Aktar informazzjoni
Kuntatt
Il-Parlament Ewropew
- Isem
- Il-Parlament Ewropew
- Sit web
- https://www.europarl.europa.eu/portal/mt
- Numru tat-telefown
- +32 2 284 21 11
- Numru tal-faks
- +32 2 284 69 74
- Indirizz postali
Rue Wiertz/Wiertzstraat 60
1047 Bruxelles/Brussel
Belgium- Media soċjali