Ħarsa ġenerali
- Rwol: Il-leħen tal-gvernijiet membri tal-UE, l-adozzjoni tal-liġijiet tal-UE u l-koordinazzjoni tal-politiki tal-UE
- Membri: Il-ministri tal-gvern minn kull pajjiż tal-UE, skont il-qasam ta’ politika li jkun se jiġi diskuss
- President: Kull pajjiż tal-UE jkollu l-presidenza fuq bażi ta' rotazzjoni ta' 6 xhur
- Stabbilit: Fl-1958 (bħala l-Kunsill tal-Komunità Ekonomika Ewropea)
- Post: Brussell (il-Belġju)
- Sit web: Il-Kunsill tal-UE
Fil-Kunsill tal-UE, magħruf ukoll bħala l-Kunsill, il-ministri tal-gvern minn kull pajjiż tal-UE jiltaqgħu biex jiddiskutu, jemendaw u jaddottaw il-liġijiet, u jikkoordinaw il-politiki. Il-ministri għandhom l-awtorità li jimpenjaw lill-gvernijiet tagħhom biex iwettqu l-azzjonijiet li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-laqgħat. Il-laqgħat tal-Kunsill isiru fi Brussell, ħlief għal tliet xhur (April, Ġunju u Ottubru) meta jsiru fil-Lussemburgu.
Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill huwa l-korp ewlieni li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE.
M’għandux jiġi konfuż ma':
- il-Kunsill Ewropew - summits trimestrali, fejn il-mexxejja tal-UE jiltaqgħu biex jistabbilixxu d-direzzjoni ġenerali tat-tfassil tal-politika tal-UE
- il-Kunsill tal-Ewropa - b’ebda mod mhu korp tal-UE
X’jagħmel il-Kunsill?
- jinnegozja u jaddotta liġijiet tal-UE, flimkien mal-Parlament Ewropew, abbażi ta' proposti mill-Kummissjoni Ewropea
- jikkoordina l-politiki tal-pajjiżi tal-UE
- jiżviluppa l-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, abbażi ta' linji gwida tal-Kunsill Ewropew
- jikkonkludi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali
- jadotta l-baġit tal-UE - flimkien mal-Parlament Ewropew
Kompożizzjoni
M’hemmx membri fissi fil-Kunsill tal-UE. Minflok, il-Kunsill jiltaqa' f'10 konfigurazzjonijiet differenti, fejn kull waħda tikkorrispondi għall-qasam ta' politika li jkun se jiġi diskuss. Skont il-konfigurazzjoni, kull pajjiż jibgħat il-ministru responsabbli għal dak il-qasam ta’ politika.
Pereżempju, meta ssir il-laqgħa tal-Kunsill dwar l-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji (il-“Kunsill ECOFIN”), jattendu l-ministri tal-finanzi ta' kull pajjiż.
Min imexxi l-laqgħat?
Il-Kunsill Affarijiet Barranin għandu president permanenti - ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà . Il-laqgħat l-oħra kollha tal-Kunsill huma mmexxija mill-ministru rilevanti tal-pajjiż li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-UE.
Pereżempju, kull laqgħa tal-Kunsill Ambjent fil-perjodu meta l-Estonja jkollha l-presidenza tkun immexxija mill-Ministru tal-Ambjent Estonjan.
Il-konsistenza ġenerali hi żgurata mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali - appoġġjat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti. Dan hu magħmul mir-Rappreżentanti Permanenti għall-UE tal-pajjiżi tal-UE, li huma, fil-fatt, l-ambaxxaturi nazzjonali tal-UE.
Pajjiżi taż-żona tal-euro
Il-pajjiżi taż-żona tal-euro jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom permezz tal-Grupp tal-Euro li jikkonsisti mill-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi tagħhom. Huwa jiltaqa’ fil-jum ta’ qabel il-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Il-ftehimiet milħuqa fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro jiġu deċiżi b’mod formali fil-Kunsill l-għada, fejn il-ministri tal-pajjiżi taż-żona tal-euro biss jivvutaw dwar dawk il-kwistjonijiet.
Kif jaħdem il-Kunsill?
- Il-Ministri tal-UE jiltaqgħu pubblikament meta jiddiskutu jew jivvutaw dwar abbozzi ta’ atti leġiżlattivi
- biex jgħaddu, id-deċiżjonijiet normalment jeħtieġu maġġoranza kwalifikata:
- 55% tal-pajjiżi (b’27 membru attwali, dan ifisser 15-il pajjiż)
- li jirrappreżentaw tal-inqas 65% tal-popolazzjoni totali tal-UE
- Tista’ tara s-sessjonijiet pubbliċi tal-Kunsill diretti bil-lingwi kollha tal-UE. Meta laqgħa tal-Kunsill tkun pubblika, anke l-minuti tal-laqgħa u l-votazzjonijiet ikunu pubbliċi.
Biex tiġi blokkata deċiżjoni, huma meħtieġa tal-anqas 4 pajjiżi (li jirrappreżentaw tal-inqas 35% tal-popolazzjoni totali tal-UE)
- eċċezzjoni - temi sensittivi bħall-politika barranija u t-tassazzjoni jirrikjedu vot unanimu (il-pajjiżi kollha favur).
- Meħtieġa maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u amministrattivi
Il-Kunsill u int
Tista' tagħmel mistoqsijiet ġenerali lis-servizz ta' informazzjoni pubblika tal-Kunsill.
Aċċess għad-dokumenti
Aġendi tal-laqgħat tal-Kunsill tal-UE
Aktar informazzjoni
Kuntatt
Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Isem
- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Sit web
- https://www.consilium.europa.eu/mt/
- Numru tat-telefown
- +32 2 281 61 11
- Numru tal-faks
- +32 2 281 73 97 / 81
- Indirizz postali
Rue de la Loi / Wetstraat, 175
1048 B-1049 Brussels
Belgium- Media soċjali