Baġit tal-UE
Il-baġit tal-UE jgħaqqad ir-riżorsi fil-livell tal-UE u jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jiksbu aktar flimkien milli kieku jaġixxu waħedhom, pereżempju, l-iffinanzjar tal-proġetti ta’ infrastruttura jew riċerka.
Il-baġit tal-UE jintuża prinċipalment għall-investiment u jikkomplementa l-baġits nazzjonali. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jagħti spinta lit-tkabbir u l-kompetittività f’livell usa’ tal-UE. Dan jintuża biss meta jkun aktar effettiv biex jitmexxew l-inizattivi fil-livell tal-UE milli fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali.
Jiffinanzja proġetti u attivitajiet li jiffukaw fuq
- l-iżvilupp ta’ żoni rurali u reġjuni inqas żviluppati
- il-ħarsien tal-ambjent
- l-appoġġ għall-programmi ta’ edukazzjoni u riċerka tal-UE (pereżempju, Erasmus+ u Orizzont Ewropa)
- it-tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE
- il-promozzjoni tal-iżvilupp internazzjonali
- il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
Xi eżempji ta’ x’jagħmel il-baġit tal-UE
Bħalissa, il-pajjiżi tal-UE jaqblu dwar baġit fit-tul li jkopri diversi snin. F’dak il-qafas, jitfassal u jintlaħaq qbil dwar baġit annwali kull sena, li jalloka finanzjament għal proġetti, programmi u ħtiġijiet speċifiċi f’konformità mal-baġit fit-tul.
Baġit fit-tul
Il-baġit fit-tul – magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) – jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-limiti tal-infiq għal diversi snin. Dan jistabbilixxi l-ammonti annwali massimi għall-infiq tal-UE kollu kemm hu u l-kategoriji ewlenin tal-infiq. Jgħin ukoll lill-UE tippjana l-programmi ta’ finanzjament tagħha diversi snin minn qabel.
Il-baġit fit-tul attwali hu mill-2021 sal-2027. Dan huwa r-riżultat ta’ negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill abbażi ta’ proposta magħmula mill-Kummissjoni.
Dan il-baġit fit-tul, flimkien mal-fond għall-irkupru ta’ wara l-COVID NextGenerationEU, jammonta għal madwar €2 triljun fi prezzijiet attwali.
In-negozjati għall-baġit fit-tul jibda ftit snin qabel l-adozzjoni tiegħu.
Il-Kummissjoni tniedi l-proċess formali billi tippreżenta pakkett ta’ proposti għall-baġit fit-tul li jmiss. Dan il-pakkett jinkludi proposti għal
- att legali (regolament) li jistabbilixxi kemm l-UE tista’ tonfoq (ir-“Regolament QFP”)
- deċiżjoni li tistabbilixxi s-sorsi tad-dħul tal-UE (id-“Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji”)
- leġiżlazzjoni f’setturi speċifiċi, li tirregola l-programmi kollha ta’ finanzjament tal-UE.
Il-Kunsill tal-UE jħejji l-pożizzjoni tiegħu abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni. Huwa jidentifika l-punti li fuqhom huma meħtieġa d-direzzjoni politika u l-istabbiliment tal-prijoritajiet mill-mexxejja tal-UE. Is-sejbiet tiegħu jgħinu lill-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew ifassal l-abbozz ta’ konklużjonijiet tiegħu dwar il-pakkett. Dan jipprovdi gwida politika dwar il-partijiet ewlenin tal-baġit, biex b’hekk il-Kunsill ikun jista’ jilħaq il-pożizzjoni tiegħu.
Il-Parlament Ewropew jadotta wkoll pożizzjoni dwar il-proposti tal-Kummissjoni.
Ladarba l-partijiet kollha jkunu stabbilixxew il-pożizzjoni tagħhom, jibdew in-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill, bl-għan li jintlaħaq ftehim komuni.
Ladarba ftehim jinstab, il-baġit fit-tul jiġi adottat wara “proċedura leġiżlattiva speċjali”. Fir-rigward taż-2 atti legali ewlenin:
Ir-Regolament QFP jiġi adottat wara li
- tintlaħaq unanimità fil-Kunsill dwar il-ftehim maqbul fin-negozjati
- il-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (Huwa jista’ japprova jew jirrifjuta l-pożizzjoni tal-Kunsill iżda ma jistax jemendah).
Qabel ma d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tkun tista’ tidħol fis-seħħ din teħtieġ
- qbil unanimu fil-Kunsill
- opinjoni mill-Parlament
- approvazzjoni minn kull pajjiż tal-UE skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu (pereżempju, mill-parlamenti nazzjonali).
Jekk ikun meħtieġ, il-baġit fit-tul jista’ jiġi rivedut matul il-ħajja tiegħu jekk iseħħu sfidi ġodda bla preċedent u mhux mistennija.
Pereżempju, dan kien il-każ għall-2021-27 wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, l-inflazzjoni għolja u r-rati tal-imgħax, u l-isfidi relatati mal-migrazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-baġit fl-2023, u l-Kunsill adottaha wara l-approvazzjoni tal-Parlament fl-2024.
Baġit annwali
Kull sena jiġi nnegozjat u adottat baġit annwali ġdid. Dan jistabbilixxi l-infiq u d-dħul għas-sena finanzjarja fl-ammonti miftehmin taħt il-baġit fit-tul li jkun hemm qbil dwaru.
Il-Kummissjoni tressaq abbozz ta’ baġit li mbagħad jiġi nnegozjat u maqbul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit.
Skont it-tip ta’ finanzjament ikkonċernat, il-baġit tal-UE jista’ jiġi ġestit jew
- b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali
- direttament mill-Kummissjoni
- indirettament minn awtoritajiet oħra ġewwa jew barra l-UE.
Il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jaqsmu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ madwar nofs il-baġit.
Kif jiġi nnegozjat u adottat il-baġit annwali
Il-baġit annwali tal-UE hu deċiż b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill. Dan jitfassal u jiġi nnegozjat fis-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tiegħu.
- Sal-1 ta’ Lulju, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jibagħtu lill-Kummissjoni d-dikjarazzjoni tal-estimi rispettiva tagħhom.
- Sal-1 ta’ Settembru, il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz tal-baġit annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbażi tar-Regolament QFP fis-seħħ u l-linji gwida tal-baġit għas-sena li ġejja. Ħafna drabi, il-Kummissjoni diġà qed tippreżenta l-abbozz tal-baġit f’Ġunju.
- Sal-1 ta’ Ottubru, il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit (inklużi l-emendi).
- Fi żmien 42 jum il-Parlament jieħu l-pożizzjoni tiegħu (inkluża wkoll kwalunkwe emenda).
Wara li l-abbozz ikun ġie ppreżentat u l-pożizzjonijiet adottati, il-passi li jmiss jiddependu fuq kif u meta jintlaħaq qbil.
Jekk il-Parlament u l-Kunsill ma jaqblux:
- jitlaqqa’ “kumitat ta’ konċiljazzjoni” mar-rappreżentanti kemm tal-Parlament kif ukoll tal-Kunsill. Huma għandhom il-kompitu li jilħqu qbil dwar test konġunt fi żmien 21 jum minn meta l-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu
- wara dan, il-Parlament u l-Kunsill għandhom 14-il jum biex japprovaw jew jirrifjutaw it-test konġunt.
Hemm tliet riżultati possibbli:
- Jekk it-test konġunt jiġi approvat kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill: il-baġit jiġi adottat mill-Parlament
- Jekk il-Kunsill jirrifjuta t-test konġunt: il-Parlament xorta jista’ jaddotta l-baġit iżda biss jekk maġġoranza tal-MEPs, li jammontaw għal 60% tal-voti mitfugħa, jivvutaw favurih
- Jekk il-Parlament kif ukoll il-Kunsill jirrifjutaw it-test konġunt jew jonqsu milli jaqblu: il-baġit jiġi miċħud u l-Kummissjoni trid tippreżenta abbozz ta’ baġit ġdid
Bħall-baġit fit-tul, il-baġit annwali jista’ jiġi emendat biex jirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux mistennija jew fid-dawl ta’ informazzjoni ġdida mhux disponibbli fiż-żmien tal-proposta tal-Kummissjoni.
Dan jista’ jieħu l-forma ta’ “ittra ta’ emenda” (jekk il-baġit ma jkunx ġie adottat) jew baġit emendatorju (matul l-implimentazzjoni). Huma jsegwu l-istess regoli bħall-baġit fit-tul.
Skeda ta’ żmien tan-negozjati tal-baġit annwali