Il-baġit tal-UE hu kruċjali biex iwieġeb għall-isfidi li qed tiffaċċja l-UE. Dan jiżgura li l-UE tibqa’ demokratika, paċifika, prospera u kompetittiva. L-UE tuża l-baġit tagħha biex tiffinanzja l-prijoritajiet tal-UE u proġetti kbar li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE ma setgħux jiffinanzjaw waħedhom – jew minħabba d-daqs tal-proġett jew minħabba n-natura transfruntiera tiegħu. Billi jiġbor flimkien ir-riżorsi, filwaqt li jgħin lill-pajjiżi kollha tal-UE, liċ-ċittadini tagħhom u lil hinn minnhom, il-baġit tal-UE jsaħħaħ l-ekonomija u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-Ewropa.
L-UE tadotta pjanijiet ta’ nfiq fit-tul, magħrufin bħala oqfsa finanzjarji pluriennali, li jistabbilixxu l-prijoritajiet u l-limiti tal-infiq tal-UE għal diversi snin. Il-baġit fit-tul attwali hu mill-2021 sal-2027.
Minbarra l-baġit fit-tul, kull sena jiġi nnegozjat u adottat baġit annwali. Dan jistabbilixxi l-infiq u d-dħul għas-sena finanzjarja, fl-ammonti miftehmin taħt il-baġit fit-tul.
Il-Kummissjoni tressaq abbozz ta’ baġit li mbagħad jiġi nnegozjat u maqbul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni hi responsabbli għall-immaniġġjar tal-flus għalkemm timmaniġġja aktar minn nofshom b’mod konġunt mal-gvernijiet nazzjonali.
Kull sena, il-Parlament jivvaluta kif ġie implimentat il-baġit tas-sena preċedenti u jiddeċiedi jekk japprovax il-mod kif il-Kummissjoni għamlet dan, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kunsill. Dan hu magħruf bħala “l-għoti tal-kwittanza”.
Fiex jintużaw il-flus
Il-baġit tal-UE joħloq l-impjiegi, jiffinanzja proġetti li jtejbu s-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport u l-infrastruttura tal-enerġija, itejjeb is-sigurtà tal-fruntieri tagħna, jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jippromwovi t-tranżizzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna. U dawn huma biss ftit eżempji.
F’dawn l-aħħar snin, il-baġit tal-UE sar espressjoni dejjem aktar b’saħħitha tas-solidarjetà tal-UE billi jservi bħala l-għodda ewlenija tal-UE għar-rispons għall-kriżijiet. Dan jgħin biex jiġu indirizzati l-akbar sfidi tal-UE, mill-pandemija tal-COVID-19 sal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, kif ukoll biex tiġi żgurata l-indipendenza enerġetika tagħna u tinbena l-awtonomija strateġika tal-UE.
Flimkien mal-fond għall-irkupru NextGenerationEU, il-baġit tal-2021-27 jammonta għal madwar €2 triljun fi prezzijiet attwali. Dan jista’ jinqasam f’madwar 7 oqsma ta’ nfiq:
- Suq uniku, innovazzjoni u diġitali
- Koeżjoni, reżiljenza u valuri
- Riżorsi naturali u ambjent
- Migrazzjoni u mmaniġġjar tal-fruntieri
- Sigurtà u difiża
- Viċinat u d-Dinja
- Amministrazzjoni Pubblika Ewropea
Ħarsa ġenerali lejn l-ammonti tal-baġit fit-tul fi prezzijiet attwali
Prijoritajiet u nfiq stabbiliti fil-baġit għall-2024
Il-baġit tal-2024 jiffinanzja l-aktar ħtiġijiet kruċjali ta’ rkupru tal-pajjiżi u s-sħab tal-UE madwar id-dinja. Dan jgħin biex jimmodernizza u jsaħħaħ l-UE billi jrawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, joħloq l-impjiegi u jsaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa fid-dinja.
B’mod partikolari, isaħħaħ l-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna, jagħti spinta lill-investimenti f’teknoloġiji kritiċi u fid-difiża, jipprovdi riżorsi biex jappoġġja lis-sħab fil-Balkani tal-Punent, u jgħin lill-pajjiżi tal-UE affettwati minn diżastri naturali kif ukoll lill-pajjiżi li qed jiffaċċjaw kriżijiet umanitarji.
Immaniġġjar tal-fondi tal-UE
Matul il-perjodu 2021-27, il-baġit fit-tul hu mmaniġġjat kif ġej:
- 56% huma mmaniġġjati b’mod konġunt mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Kummissjoni (“ġestjoni kondiviża”)
- 37% huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni, l-aġenziji u l-uffiċċji tagħha barra mill-UE (“ġestjoni diretta”)
- 7% huma mmaniġġjati minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, aġenziji nazzjonali u pajjiżi mhux tal-UE (“ġestjoni indiretta”)
- għan-NextGenerationEU, 90% tal-fondi huma diretti permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, implimentat b’ġestjoni diretta u b’valur totali ta’ €648 biljun.
Ir-responsabbiltà aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit hi tal-Kummissjoni, li għandha tiżgura li kull euro li jintefaq jiġi rreġistrat u jingħata rendikont tiegħu. Jekk ikunu saru pagamenti skorretti, il-Kummissjoni taħdem mal-pajjiżi kkonċernati biex tirkupra l-flus.
Il-baġit annwali tal-UE hu soġġett għal kontrolli interni u esterni kemm matul kif ukoll wara l-implimentazzjoni tiegħu – mill-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jista’ jinvestiga l-użu frodulenti tal-baġit tal-UE.
Miżuri biex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġi protett il-baġit tal-UE