Skip to main content

L-UE hi kkaratterizzata mid-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u l-lingwi mitkellma fil-pajjiżi tal-UE huma parti essenzjali mill-wirt kulturali tagħha. Din hi r-raġuni għaliex l-UE tappoġġja l-multilingwiżmu fil-programmi tagħha u fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tagħha.

L-UE għandha 24 lingwa uffiċjali:

Il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Iżvediż.

Storja

Kull darba li ssieħbu membri ġodda fl-UE, żdied in-numru ta’ lingwi uffiċjali.

Lingwa uffiċjali tal-UE mill-...

  • 1958: il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Olandiż, it-Taljan
  • 1973: id-Daniż, l-Ingliż
  • 1981: il-Grieg
  • 1986: l-Ispanjol, il-Portugiż
  • 1995: il-Finlandiż, l-Iżvediż
  • 2004: iċ-Ċek, l-Estonjan, l-Islovakk, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, is-Sloven, l-Ungeriż
  • 2007: il-Bulgaru, l-Irlandiż, ir-Rumen
  • 2013: il-Kroat

Il-Multilingwiżmu

Wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE hu l-multilingwiżmu.

Din il-politika għandha l-għan li:

  • twassal għal komunikazzjoni maċ-ċittadini tagħha bil-lingwa tagħhom stess
  • tipproteġi d-diversità lingwistika rikka tal-Ewropa
  • tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa

Dan hu approċċ uniku, u l-ebda pajjiż multilingwi jew organizzazzjoni internazzjonali ma għandha approċċ simili.

Il-multilingwiżmu hu minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE: iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jużaw kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali biex jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet iridu jirrispondu fl-istess lingwa.

L-atti legali u s-sommarji tagħhom huma disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, ħlief bl-Irlandiż, għal raġunijiet relatati mar-riżorsi. Huma biss ir-regolamenti adottati kemm mill-Kunsill tal-UE kif ukoll mill-Parlament Ewropew li bħalissa huma tradotti bl-Irlandiż.

Il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-UE huma interpretati bil-lingwi uffiċjali kollha. Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom id-dritt li jużaw kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE meta jitkellmu fil-Parlament.

Regoli dwar il-lingwi tal-UE

Il-Kunsill jistabbilixxi r-regoli dwar l-użu tal-lingwi mill-istituzzjonijiet tal-UE, u jaġixxi b’mod unanimu permezz tar-regolalmenti adottati skont l-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Nru 1, li jiddikjara li l-istituzzjonijiet għandhom 24 lingwa uffiċjali u tal-ħidma.

L-Ingliż jibqa’ lingwa uffiċjali tal-UE, minkejja l-fatt li r-Renju Unit ħareġ mill-UE. Dan jibqa’ lingwa uffiċjali u ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet sakemm jibqa’ elenkat bħala tali fir-Regolament Nru 1. L-Ingliż hu wkoll waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Irlanda u ta’ Malta.

Ir-Regolament Nru 1 jistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar il-lingwi li bihom trid tiġi abbozzata u ppubblikata l-liġi tal-UE, kif ukoll il-lingwi għad-dokumenti li jintbagħtu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE l-pubbliku jew bjen l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi tal-UE. L-istituzzjonijiet tal-UE huma wkoll intitolati li jiddeterminaw kif huma stess jimplimentaw l-arranġamenti lingwistiċi internament.