Mur għall-kontenut ewlieni
European Commission - Logo

Ħarsa ġenerali

  • Ir-rwol: tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE billi tipproponi u tinforza l-leġiżlazzjoni, u billi timplimenta l-politiki u l-baġit tal-UE
  • Il-membri: tim jew “Kulleġġ” ta’ Kummissarji, wieħed minn kull pajjiż tal-UE
  • Il-President: Ursula von der Leyen
  • Meta twaqqfet: 1958
  • Is-sede: Brussell (il-Belġju)
  • Is-sit elettronikuIl-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hi l-fergħa eżekuttiva u politikament indipendenti tal-UE. Hija l-unika istituzzjoni responsabbli għat-tfassil tal-proposti għal leġiżlazzjoni Ewropea ġdida, u timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE.

Il-Kummissjoni x’inhu xogħolha?

Tipproponi liġijiet ġodda

Il-Kummissjoni hi l-unika istituzzjoni tal-UE li tressaq, biex jiġu adottati mill-Parlament u l-Kunsill, liġijiet li:

  • iħarsu l-interessi tal-UE u taċ-ċittadini tagħha dwar kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell nazzjonali
  • ikollhom id-dettalji tekniċi tajbin permezz ta’ konsultazzjoni mal-esperti u mal-pubbliku

Timmaniġġja l-politiki tal-UE u talloka finanzjament mill-UE

  • tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ nfiq tal-UE, flimkien mal-Kunsill u l-Parlament
  • tfassal il-baġits annwali biex jiġu approvati mill-Parlament u mill-Kunsill
  • tissorvelja kif jintefqu l-flus, taħt skrutinju mill-Qorti tal-Awdituri

Tinforza l-liġijiet tal-UE

  • flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata kif suppost fil-pajjiżi kollha tal-UE

Tirrappreżenta lill-UE internazzjonalment

  • titkellem għan-nom tal-pajjiżi kollha tal-UE f’korpi internazzjonali, b’mod partikulari fl-oqsma tal-politika tal-kummerċ u tal-għajnuna umanitarja
  • tinnegozja ftehimiet internazzjonali f’isem l-UE

Kif inhi magħmula

It-tmexxija politika tiġi minn tim ta’ 27 Kummissarju (wieħed/waħda minn kull pajjiż tal-UE) – inkuż(a) il-President tal-Kummissjoni, li j/tiddeċiedi min ikun responsabbli għal kull qasam politiku.

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji hu magħmul mill-President tal-Kummissjoni, 5 Viċi Presidenti Eżekuttivi, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u 20 Kummissarju, li kull wieħed/waħda minnhom għandu/għandha responsabbiltà ta’ portafoll partikulari.

Il-ħidma ta’ kuljum tal-Kummissjoni jwettaqha l-istaff tagħha (avukati, ekonomisti, esperti, eċċ.), li huma organizzati f’dipartimenti magħrufin bħala Direttorati Ġenerali (DĠ), li kull wieħed minnhom huwa responsabbli għal qasam politiku speċifiku.

Il-ħatra tal-President

Fil-Kunsill Ewropew, il-mexxejja nazzjonali jipproponu kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni, wara li jikkunsidraw ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Biex il-persuna proposta tiġi eletta, trid tikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew.

L-għażla tat-tim

Il-kandidat għall-kariga ta’ President j/tagħżel lil min jista’ jservi bħala Viċi Presidenti Eżekuttivi, Viċi Presidenti, u Kummissarji skont is-suġġerimenti mill-pajjiżi tal-UE. Il-lista tal-kandidati trid tiġi approvata mill-mexxejja nazzjonali fil-Kunsill Ewropew.

Kull persuna nominata mbagħad tidher quddiem il-Parlament Ewropew biex tispjega l-viżjoni tagħha u twieġeb il-mistoqsijiet. Wara, il-Parlament jivvota dwar jekk jaċċettax lin-nominati bħala tim. Fl-aħħar nett, in-nominati jinħatru mill-Kunsill Ewropew, b’maġġoranza kwalifikata.

Il-mandat tal-Kummissjoni attwali jispiċċa fit-30 ta’ Novembru 2029.

Kif taħdem il-Kummissjoni?

L-ippjanar strateġiku

Id-direzzjoni politika tal-Kummissjoni, li tippermetti li l-Kummissarji jiffissaw flimkien l-objettivi strateġiċi u jipproduċu l-programm ta’ ħidma annwali, tiġi ddefinita mill-President.

It-teħid kollettiv tad-deċiżjonijiet

Id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi tar-responsabbiltà kollettiva. Il-Kummissarji kollha huma ndaqs fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jġorru l-istess responsabbiltà għalihom. M’għandhom l-ebda setgħa individwali biex jieħdu d-deċiżjonijiet, ħlief meta jkunu awtorizzati f’ċerti sitwazzjonijiet.

Il-Viċi Presidenti Eżekuttivi u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President jaġixxu għan-nom tal-President u jikkoordinaw ix-xogħol fil-qasam li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom, flimkien ma’ diversi Kummissarji. Biex jiġi żgurat li l-Kulleġġ jaħdem flimkien f’kollaborazzjoni stretta u flessibbli, jiġu identifikati proġetti ta’ prijorità.

Il-Kummissarji jagħtu sostenn lill-Viċi Presidenti Eżekuttivi u lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President fil-preżentazzjoni ta’ proposti lill-Kulleġġ. B’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, iżda jista’ jkun hemm ukoll każijiet meta jittieħed vot. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, b’vot wieħed għal kull Kummissarju.

Id-Direttorat Ġenerali rilevanti (immexxi minn Direttur Ġenerali, li j/twieġeb għall-Kummissarju rilevanti) imbagħad jittratta s-suġġett. Normalment dan isir fil-forma ta’ abbozzi ta’ proposti leġiżlattivi.

Dawn imbagħad jiġu sottomessi mill-ġdid lill-Kummissarji biex jadottawhom fil-laqgħa li jkollhom kull ġimgħa, u wara jsiru uffiċjali u jintbagħtu lill-Kunsill u lill-Parlament għall-istadju li jmiss fil-proċess leġiżlattiv tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea u int

Aqsam magħna l-ideat tiegħek

Jekk tixtieq tagħtina l-opinjonijiet tiegħek dwar il-politiki tal-UE jew tissuġġerixxi tibdil jew politiki ġodda, għandek diversi modi kif tagħmel dan:

Informazzjoni

Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll servizzi ta’ pariri u informazzjoni b’rabta man-negozju, mal-istudju, ma’ kwistjonijiet legali, u mal-moviment u x-xogħol madwar l-Ewropa.

Ikkuntattjana

Għall-mistoqsijiet li jista’ jkollok dwar ħidmietna:

Aċċess għad-dokumenti

Aċċess għall-informazzjoni

Il-kalendarju tal-President u tal-Kummissarji

Aktar informazzjoni

Materjal awdjoviżiv

Finanzjament

Pubblikazzjonijiet

Il-Librerija tal-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru tar-Riżorsi Elettroniċi

Impjiegi

Kuntatt

Il-Kummissjoni Ewropea

Isem
Il-Kummissjoni Ewropea
Sit web
https://commission.europa.eu/index_mt
Numru tat-telefown
+32 2 299 11 11
Indirizz postali

Rue de la Loi / Wetstraat 200
1049 Bruxelles/Brussel
Belgium

Media soċjali