Mur għall-kontenut ewlieni

Tipi ta’ leġiżlazzjoni

L-għanijiet stabbiliti fit-trattati tal-UE jinkisbu permezz ta’ tipi differenti ta' atti legali. Uħud minnhom huma vinkolanti, u oħrajn mhumiex. Uħud minnhom japplikaw fil-pajjiżi kollha tal-UE, oħrajn għal ftit minnhom biss.

Regolamenti

“Regolament” hu att leġiżlattiv vinkolanti. Għandu jiġi applikat fl-intier tiegħu fl-UE kollha. Pereżempju, meta r-regolament tal-UE dwar it-tmiem tat-tariffi tar-roaming waqt l-ivvjaġġar fl-UE skada fl-2022, il-Parlament u l-Kunsill adottaw regolament ġdid kemm biex itejbu ċ-ċarezza tar-regolament preċedenti kif ukoll biex jiżguraw li jiġi applikat approċċ komuni dwar it-tariffi tar-roaming għal għaxar snin oħrajn.

Direttivi

“Direttiva” hi att leġiżlattiv li jistabbilixxi għan li jridu jiksbu l-pajjiżi tal-UE. Madankollu, l-UE tħalli f’idejn il-pajjiżi individwali biex ifasslu l-liġijiet tagħhom dwar kif għandhom jintlaħqu dawn l-għanijiet. Eżempju wieħed hu d-Direttiva tal-UE dwar il-plastik li jintuża darba biss, li tnaqqas l-impatt ta’ ċerti plastiks li jintużaw darba biss fuq l-ambjent, pereżempju billi tnaqqas jew saħansitra tipprojbixxi l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss bħal platti, straws u tazzi għax-xorb.

Deċiżjonijiet

“Deċiżjoni” torbot lil min hi indirizzata (eż. pajjiż tal-UE jew kumpanija individwali) u tapplika direttament. Pereżempju, il-Kunsill ħareġ deċiżjoni li tippermetti lill-Kroazja tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2023. Id-deċiżjoni tirrigwarda lill-pajjiż biss.

Rakkomandazzjonijiet

“Rakkomandazzjoni” mhix vinkolanti. Meta l-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni biex il-fornituri tas-servizzi tal-media tal-pajjiżi tal-UE jtejbu t-trasparenza tas-sjieda tagħhom u jissalvagwardjaw l-indipendenza editorjali tagħhom, din ma kellha ebda konsegwenza legali. Rakkomandazzjoni tippermetti lill-istituzzjonijiet jesprimu l-opinjoni tagħhom u jissuġġerixxu linja ta’ azzjoni mingħajr ma jimponu ebda obbligu legali lil min tkun indirizzata.

Opinjonijiet

“Opinjoni” hi strument li jippermetti lill-istituzzjonijiet jagħmlu dikjarazzjoni b’mod mhux vinkolanti, fi kliem ieħor mingħajr ma jimponu ebda obbligu legali lil min tkun indirizzata. Opinjoni mhix vinkolanti. Tista’ tinħareġ mill-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament), il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Waqt li jkunu qed isiru l-liġijiet, il-kumitati jagħtu l-opinjonijiet tagħhom mil-lat reġjonali, ekonomiku u soċjali speċifiku tagħhom. Pereżempju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħareġ opinjoni dwar l-istrateġija tal-Kummissjoni Next Generation EU għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.