Ħarsa ġenerali
- Rwol: Jimmaniġġja l-euro, iżomm il-prezzijiet stabbli u jmexxi l-politika ekonomika u monetarja tal-UE
- President: Christine Lagarde
- Membri: Il-President u l-Viċi-President tal-BĊE u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-UE
- Stabbilit fi: 1998
- Post: Frankfurt (il-Ġermanja)
- Sit web: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jimmaniġġja l-euro u jfassal u jimplimenta l-politika ekonomika u monetarja tal-UE. L-għan ewlieni tiegħu hu li jżomm il-prezzijiet stabbli, biex b'hekk jappoġġja t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.
X’jagħmel il-BĊE?
- jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li bihom isellef lill-banek kummerċjali fiż-żona tal-euro (magħrufa wkoll bħala ż-żona euro), biex jiġu kkontrollati l-massa monetarja u l-inflazzjoni
- jimmaniġġja r-riżervi tal-munita barranija taż-żona tal-euro u x-xiri jew il-bejgħ tal-muniti biex jibbilanċja r-rati tal-kambju
- jiżgura li s-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu sorveljati sew mill-awtoritajiet nazzjonali, u li s-sistemi ta' pagament jaħdmu tajjeb
- jiżgura s-sikurezza u s-solidità tas-sistema bankarja Ewropea
- jawtorizza l-produzzjoni tal-karti tal-euro mill-pajjiżi taż-żona tal-euro
- jissorvelja t-tendenzi fil-prezzijiet u jevalwa r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet.
Lista sħiħa tal-kompiti tal-BĊE
Kompożizzjoni
Il-President tal-BĊE jirrappreżenta lill-Bank f'laqgħat internazzjonali u ta' livell għoli tal-UE. Il-BĊE għandu dawn it-3 korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet:
- Il-Kunsill Governattiv – il-korp ewlieni għat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Jikkonsisti fil-Bord Eżekuttiv (ara hawn taħt) u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali fiż-żona tal-euro. - Il-Bord Eżekuttiv – jieħu ħsieb it-tmexxija ta' kuljum tal-BĊE.
Jikkonsisti fil-President u l-Viċi President tal-BĊE u 4 membri oħra maħtura għal termini ta' 8 snin mill-mexxejja tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. - Il-Kunsill Ġenerali – għandu rwol li hu aktar wieħed ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni.
Jikkonsisti fil-President u l-Viċi President tal-BĊE u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-UE.
Kif jaħdem il-BĊE?
Il-BĊE jaħdem mal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-UE. Flimkien dawn jiffurmaw is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.
Din tmexxi l-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali fiż-żona tal-euro. Din hi magħrufa bħala l-Eurosistema.
Il-ħidma tal-korpi governattivi
- Il-Kunsill Governattiv – jivvaluta l-iżviluppi ekonomiċi u monetarji, jiddefinixxi l-politika monetarja taż-żona tal-euro u jiffissa r-rati tal-imgħax li bihom il-banek kummerċjali jistgħu jissellfu l-flus mill-BĊE.
- Il-Bord Eżekuttiv – jimplimenta l-politika monetarja, jimmaniġġja l-operazzjonijiet ta' kuljum, jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u jeżerċita setgħat delegati lilu mill-Kunsill Governattiv.
- Il-Kunsill Ġenerali – jikkontribwixxi għall-ħidma konsultattiva u ta' koordinazzjoni u jgħin lill-pajjiżi l-ġodda jħejju ruħhom biex jingħaqdu maż-żona tal-euro.
Il-BĊE u int
Tista' tikkuntattja lill-BĊE bl-email għal informazzjoni teknika jew promozzjonali.
Aċċess għad-dokumenti
Skeda ta’ kull ġimgħa tal-BĊE tal-impenji ta' diskorsi pubbliċi u attivitajiet oħra
Skedi għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE
Aktar Informazzjoni
Kuntatt
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
- Isem
- Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
- Sit web
- https://www.ecb.europa.eu/home/html/index.mt.html
- Numru tat-telefown
- +49 69 13 44 0
- Numru tal-faks
- +49 69 13 44 60 00
- Indirizz postali
Sonnemannstrasse 20
60314 Frankfurt-am-Main
Germany- Media soċjali