L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. Dan ifisser li kull azzjoni li tieħu l-UE hi msejsa fuq it-trattati li ġew approvati b'mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi membri kollha tal-UE. Ngħidu aħna, jekk qasam ta' politika mhuwiex imsemmi fit-trattat, il-Kummissjoni ma tistax tipproponi liġi f'dak il-qasam.
Trattat hu ftehim vinkolanti bejn il-pajjiżi membri tal-UE. Jistabbilixxi l-għanijiet tal-UE, ir-regoli għall-istituzzjonijiet tal-UE, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u r-relazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi membri tagħha.
It-Trattati huma emendati biex l-UE ssir iktar effiċjenti u trasparenti, biex tħejji għall-pajjiżi membri l-ġodda u biex iddaħħal oqsma ġodda ta' kooperazzjoni – bħall-munita unika.
Skont it-trattati, l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jadottaw il-leġiżlazzjoni, li l-pajjiżi membri mbagħad jimplimentaw. It-testi sħaħ tat-trattati, il-leġiżlazzjoni, il-każistika, u l-proposti leġiżlattivi huma disponibbli fuq il-EUR-Lex, il-bażi tad-data tal-liġi tal-UE.
Ippreżentati b’mod kronoloġiku mill-aħħar wieħed għall-eqdem wieħed, it-trattati ewlenin huma:
It-Trattat ta’ Liżbona
Meta ġie ffirmat: 13 ta' Diċembru 2007
Meta daħal fis-seħħ: 1 ta' Diċembru 2009
L-iskop tiegħu: li l-UE ssir iktar demokratika, iktar effiċjenti, u iktar kapaċi tindirizza l-problemi globali, bħat-tibdil fil-klima, b'vuċi waħda.
It-tibdiliet ewlenin li ġab: iktar poter għall-Parlament Ewropew, bidla fil-proċeduri tal-votazzjoni fil-Kunsill, inizjattiva taċ-ċittadini, president permanenti tal-Kunsill Ewropew, Rappreżentant Għoli ġdid għall-Affarijiet Barranin, servizz diplomatiku ġdid tal-UE.
It-Trattat ta' Liżbona jiddefinixxi b’mod ċar liema kompetenzi:
— jappartjenu għall-UE
— jappartjenu għall-pajjiżi membri tal-UE
— huma maqsumin bejn l-UE u l-pajjiżi membri tagħha.
Il-miri u valuri tal-UE huma stabbiliti fit-Trattat ta’ Liżbona u fil-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-UE.
It-test sħiħ tat-Trattat ta' Liżbona
It-Trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa (2004) — b'għanijiet simili bħat-Trattat ta' Liżbona — ġie ffirmat iżda qatt ma ġie rratifikat.
It-Trattat ta’ Nizza
Meta ġie ffirmat: 26 ta' Frar 2001
Meta daħal fis-seħħ: 1 ta' Frar 2003
L-iskop tiegħu: li jirriforma l-istituzzjonijiet biex l-UE tkun tista' tiffunzjona b'mod effiċjenti wara li tkun kibret għal 25 pajjiż membru.
It-tibdiliet ewlenin li ġab: metodi biex tinbidel il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni u tibdil fis-sistema ta' votazzjoni fil-Kunsill.
It-Trattat ta' Amsterdam
Meta ġie ffirmat: 2 ta' Ottubru 1997
Meta daħal fis-seħħ: 1 ta' Mejju 1999
L-iskop tiegħu: li jirriforma l-istituzzjonijiet tal-UE bi tħejjija għad-dħul tal-pajjiżi membri futuri.
It-tibdiliet ewlenin li ġab: emenda, rinumerazzjoni, u konsolidazzjoni tat-trattati tal-UE u tal-KEE. Teħid ta' deċiżjonijiet iktar trasparenti (użu usa' tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja).
It-Trattat tal-Unjoni Ewropea -— it-Trattat ta' Maastricht
Meta ġie ffirmat: 7 ta' Frar 1992
Meta daħal fis-seħħ: 1 ta' Novembru 1993
L-iskop tiegħu: li jsiru t-tħejjijiet għall-Unjoni Monetarja Ewropea u jiġu introdotti elementi ta’ unjoni politika (ċittadinanza, politika barranija u ta’ affarijiet interni komuni).
It-tibdiliet ewlenin li ġab: it-twaqqif tal-Unjoni Ewropea u l-introduzzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni, biex il-Parlament ikollu influwenza ikbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Forom ġodda ta’ kooperazzjoni bejn il-gvernijiet tal-UE – pereżempju dwar id-difiża u l-ġustizzja u l-affarijiet interni.
L-Att Uniku Ewropew
Meta ġie ffirmat: 17 ta' Frar 1986 (il-Lussemburgu) / 28 ta' Frar 1986 (The Hague)
Meta daħal fis-seħħ: 1 ta' Lulju 1987
L-iskop tiegħu: li jirriforma l-istituzzjonijiet fit-tħejjija għall-adeżjoni tal-Portugall u ta’ Spanja u biex jitħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet fit-tħejjija għas-suq uniku.
It-tibdiliet ewlenin li ġab: l-estensjoni tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill (biex isir iktar diffiċli għal pajjiż wieħed li juża l-veto għal leġiżlazzjoni proposta), il-ħolqien tal-proċeduri ta' kooperazzjoni u ta' kunsens għal influwenza akbar tal-Parlament.
It-Trattat li Jgħaqqad — it-Trattat ta' Brussell
Meta ġie ffirmat: 8 ta' April 1965
Meta daħal fis-seħħ: 1 ta' Lulju 1967
L-iskop tiegħu: li jissimplifika l-istituzzjonijiet Ewropej.
It-tibdiliet ewlenin li ġab: il-ħolqien ta' Kummissjoni waħda u Kunsill wieħed biex iservu t-tliet Komunitajiet ewlenin ta' dak iż-żmien (KEE, Euratom, KEFA). Tħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam.
It-Trattati ta’ Ruma: it-trattati tal-KEE u tal-EURATOM
Meta ġew iffirmati: 25 ta' Marzu 1957
Meta daħlu fis-seħħ: 1 ta' Jannar 1958
L-iskop tagħhom: it-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom).
It-tibdiliet ewlenin li ġabu: l-estensjoni tal-integrazzjoni Ewropea biex tinkludi l-kooperazzjoni ekonomika ġenerali.
It-test sħiħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea
It-test sħiħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar
Meta ġie ffirmat: 18 ta' April 1951
Meta daħal fis-seħħ: 23 ta' Lulju 1952
Meta skada: 23 ta' Lulju 2002
L-iskop tiegħu: li joħloq interdipendenza fl-oqsma tal-faħam u l-azzar biex pajjiż wieħed ma jkunx jista' jimmobilizza l-forzi armati tiegħu bla ma jkunu jafu l-oħrajn. B'hekk naqsu t-tensjonijiet u n-nuqqas ta' fiduċja wara t-Tieni Gwerra Dinjija. It-Trattat tal-KEFA skada fl-2002.
It-test sħiħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar
Meta pajjiżi ġodda ngħaqdu mal-UE, it-trattati fundaturi ġew emendati:
- 2013 (il-Kroazja)
- 2007 (il-Bulgarija, ir-Rumanija)
- 2004 (iċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Ungerija)
- 1995 (l-Awstrija, il-Finlandja, l-Iżvezja)
- 1986 (il-Portugall, Spanja)
- 1981 (il-Greċja)
- 1973 (id-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju Unit).
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 21 April 2026
