Mur għall-kontenut ewlieni

Għanijiet

L-għanijiet tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-fruntieri tagħha huma:

  • li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri taċ-ċittadini tagħha
  • li toffri libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, filwaqt li tieħu wkoll miżuri xierqa fil-fruntieri esterni tagħha biex tirregola l-ażil u l-immigrazzjoni u tipprevjeni u tiġġieled il-kriminalità
  • li tistabbilixxi suq intern
  • li tikseb l-iżvilupp sostenibbli bbażat fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-ekonomija tas-suq kompetittiva għall-aħħar b’impjieg sħiħ u l-progress soċjali
  • li tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent
  • li tippromwovi l-progress xjentifiku u teknoloġiku
  • li tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni;
  • li tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal
  • li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u s-solidarjetà fost il-pajjiżi membri
  • li tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika tagħha
  • li twaqqaf unjoni ekonomika u monetarja bl-euro bħala l-munita tagħha.

L-għanijiet tal-UE fi ħdan id-dinja usa’ huma:

  • li tiddefendi u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha
  • li tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli tad-Dinja
  • li tikkontribwixxi għas-solidarjetà u r-rispett reċiproku fost il-popli, il-kummerċ ħieles u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
  • li tosserva b’mod stretta d-dritt internazzjonali

L-għanijiet tal-UE huma stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat ta’ Lisbona.

Valuri

L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri li ġejjin:

Id-dinjità tal-bniedem
Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Jeħtiġilha tkun rispettata, protetta u tikkostitwixxi l-bażi reali tad-drittijiet fundamentali.

Il-libertà
Il-libertà tal-moviment tagħti liċ-ċittadini d-dritt li jiċċaqalqu u jgħixu b’mod liberu fl-Unjoni. Il-libertajiet individwali bħar-rispett għall-ħajja privata, il-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon, tal-assemblea, tal-espressjoni u tal-informazzjoni huma protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Id-demokrazija
Il-funzjonament tal-UE huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva. Ċittadin Ewropew igawdi awtomatikament mid-drittijiet politiċi. Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jippreżenta lilu nnifsu bħala kandidat u li jivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jippreżentaw lilhom infushom bħala kandidati u li jivvutaw fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, jew fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

L-ugwaljanza
L-ugwaljanza hi dwar id-drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jirfed il-politiki kollha Ewropej u hu l-bażi għall-integrazzjoni Ewropea. Dan japplika fl-oqsma kollha. Il-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali sar parti mit-Trattat ta’ Ruma tal-1957.

L-Istat tad-Dritt
L-UE hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. Dak kollu li tagħmel l-UE hu msejjes fuq it-trattati, miftiehma b'mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi tagħha tal-UE. Il-liġi u l-ġustizzja huma appoġġjati minn ġudikatura indipendenti. Il-pajjiżi tal-UE taw il-ġurisdizzjoni finali lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja - is-sentenzi tagħha jridu jiġu rispettati minn kulħadd.

Id-drittijiet tal-bniedem
Id-drittijiet tal-bniedem huma protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dawn ikopru d-dritt li tkun ħieles mid-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali tiegħek, u d-dritt li tingħata aċċess għall-ġustizzja.

 

Il-valuri tal-UE huma stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Fl-2012, l-UE ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi għall-avvanzi li għamlet fil-kawżi tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.