Wara l-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju 2024, l-UE stabbiliet numru ta’ prijoritajiet li jsawru l-aġenda politika sal-2029. Dawn iservu biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw l-UE u ċ-ċittadini tagħha.
Il-prijoritajiet ġejjin minn djalogu bejn il-mexxejja tal-UE, il-ministri nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gruppi politiċi eletti fil-Parlament Ewropew. F’Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-prijoritajiet tiegħu fl-aġenda strateġika tal-UE għall-2024–2029. Din isservi ta’ ispirazzjoni għall-prijoritajiet politiċi li l-Kummissjoni Ewropea tfassal qabel ma tieħu l-kariga għal mandat ta’ 5 snin.
Tgħallem aktar dwar kif jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-UE
Aġenda Strateġika tal-UE għall-2024–2029
Fl-aġenda strateġika tagħhom għall-2024–2029, il-mexxejja tal-UE stabbilew tliet oqsma ta’ prijorità biex jiggwidaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE matul dawn il-5 snin. Il-ħtieġa għal pjan strateġiku ċar saret dejjem aktar urġenti. F’dawn l-aħħar ftit snin, l-UE ffaċċjat ħafna kriżijiet, mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sal-pandemija tal-COVID-19 u l-appoġġ lill-Ukrajna wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. Billi tiffoka fuq oqsma ta’ prijorità ġodda, l-UE se tgħin biex l-Ewropa ssir aktar sovrana u mgħammra aħjar biex tindirizza l-isfidi futuri.
It-tliet prijoritajiet huma:
Ewropa ħielsa u demokratika
- il-ħarsien tal-valuri Ewropej fi ħdan l-UE
- ir-rispett tal-valuri tal-UE fil-livell globali
Ewropa b’saħħitha u sigura
- l-iżgurar ta’ azzjoni esterna koerenti u influwenti
- it-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża tal-UE, u l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE
- it-tħejjija għal Unjoni akbar u aktar b’saħħitha
- l-adozzjoni ta’ approċċ komprensiv għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri
Ewropa għanja u kompetittiva
- it-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE
- is-suċċess tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali
- il-promozzjoni ta’ ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni u n-negozju
- l-avvanz flimkien
Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2024–2029
Il-President tal-Kummissjoni ddeterminat seba’ prijoritajiet għall-mandat tal-2024–2029 tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn jibnu fuq l-aġenda strateġika tal-UE tal-Kunsill u d-diskussjonijiet mal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew.
Il-prijoritajiet huma:
Pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa
L-iffaċilitar tan-negozju sabiex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku, l-appoġġ għall-industriji kompetittivi tal-UE u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari u reżiljenti li tpoġġi r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qalba tagħha u taċċellera l-investiment, l-indirizzar tad-diskrepanzi fil-ħiliet u fix-xogħol u t-twettiq ta’ rwol ewlieni fl-innovazzjoni tat-teknoloġija diġitali.
Era ġdida għad-Difiża u s-Sigurtà Ewropea
Jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej ikunu aktar sikuri u siguri billi tinbena Unjoni Ewropea tad-Difiża, li tindirizza t-theddid online u offline kollu u li tkun lesta tirreaġixxi għall-kriżijiet. It-tisħiħ tal-fruntieri komuni tagħna u l-ġestjoni tal-migrazzjoni b’mod ġust u sod.
L-appoġġ għan-nies, it-tisħiħ tas-soċjetajiet tagħna u tal-mudell soċjali tagħna
Is-sostenn u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja li ngawdu llum fl-Ewropa permezz tal-promozzjoni tal-ekwità soċjali fl-ekonomija moderna, it-tisħiħ tas-solidarjetà fost iċ-ċittadini billi jingħaqdu mill-ġdid is-soċjetajiet tagħna u jingħata appoġġ liż-żgħażagħ, u l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Is-sostenn tal-kwalità tal-ħajja tagħna: Is-sigurtà alimentari, l-ilma u n-natura
Il-bini ta’ sistema agrikola u tal-ikel kompetittiva u reżiljenti u s-salvagwardja tal-bijodiversità biex jiġu appoġġati l-bdiewa tagħna u jiġi ssalvagwardjat l-ikel tajjeb għas-saħħa tagħna. L-adattament u t-tħejjija għal klima li qed tinbidel biex inkunu lesti u biex ngħinu lil dawk affettwati.
Il-protezzjoni tad-demokrazija tagħna, il-ħarsien tal-valuri tagħna
Il-protezzjoni u d-difiża tad-demokrazija u ż-żieda tar-reżiljenza u l-preparatezza tas-soċjetà, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt għal soċjetà ġusta u li tiffunzjona tajjeb, il-promozzjoni tal-involviment ċiviku u l-parteċipazzjoni ċivika biex l-ideat taċ-ċittadini jinġiebu fil-qalba tat-tfassil tal-politika.
Ewropa globali: L-ingranaġġ tas-setgħa u s-sħubijiet tagħna
Jiġi sostnut it-tkabbir tal-UE sabiex tiżdied l-influwenza tagħna fix-xena globali; l-iffukar fuq il-viċinat usa’ tagħna biex jiġu promossi l-paċi, is-sħubijiet u l-istabbiltà ekonomika; it-twettiq ta’ politika ekonomika barranija ġdida u r-riforma tas-sistema internazzjonali biex tkun adattata għad-dinja tal-lum.
Il-kisbiet tagħna u t-tħejjija tal-Unjoni tagħna għall-futur
L-iżvilupp ta’ baġit tal-UE aktar sempliċi u li jħalli aktar impatt biex jiġu pprovduti fondi fejn huma l-aktar importanti; l-implimentazzjoni ta’ riformi biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq ta’ unjoni akbar u t-tisħiħ tas-sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew biex tgħinna niksbu riżultati aħjar flimkien.