Mur għall-kontenut ewlieni

Kif jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-UE

L-aġenda strateġika u l-linji gwida politiċi

Il-Kummissarji Ewropej u l-Membri tal-Parlament Ewropew jinħatru u jiġu eletti għal perjodu ta’ 5 snin. Qabel il-bidu ta’ kull leġiżlatura ġdida, il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-pajjiżi kollha tal-UE jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew biex jistabbilixxu l-prijoritajiet politiċi uffiċjali għall-UE għall-5 snin li jkun imiss.

Flimkien, dawn il-prijoritajiet jiffurmaw l-aġenda strateġika tal-UE, li tikkontribwixxi biex l-istituzzjonijiet tal-UE jkollhom gwida fuqiex jimxu u tistabbilixxi kif għandhom jitwettqu dawn il-prijoritajiet. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-UE jaħdmu flimkien biex jimplimentawhom.

L-aġenda strateġika tiggwida wkoll il-prijoritajiet għall-mandat tal-Kummissjoni, li l-kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni jistabbilixxi fil-linji gwida politiċi tiegħu/tagħha. Il-prijoritajiet jidentifikaw b’mod ġenerali l-politiki u l-passi ewlenin li l-Kummissjoni tkun biħsiebha twettaq biex tiżgura li tasal għall-objettivi tagħha.

Malli l-prijoritajiet tal-Kummissjoni jkunu ġew stabbiliti mill-kandidat għall-kariga ta’ President:

  • jiġu ppreżentati lill-plenarja kollha tal-Parlament Ewropew
  • jiġi ttrasformati fi stqarrijiet speċifiċi tal-missjoni għal kull kandidat għall-kariga ta’ Kummissarju, u jiġu ppreżentati lill-Kumitati rilevanti tal-Parlament.

Imbagħad, il-linji gwida politiċi jiffurmaw il-bażi tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni. Dawn jistabbilixxu l-inizjattivi biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-Kummissjoni matul it-12-il xahar ta’ wara.

It-tħejjija tal-programm ta’ ħidma tinbeda bid-diskors li l-President tal-Kummissjoni tagħmel kull sena lill-plenarja tal-Parlament Ewropew, u li jissejjaħ id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, flimkien mal-Ittra ta’ Intenzjoni ta’ miegħu. 

Dan jagħti bidu għal ċiklu ta’ diskussjonijiet mal-Parlament u mal-Kunsill tal-UE dwar il-prijoritajiet għas-sena li tkun ġejja. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tisma’ wkoll il-fehmiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. 

Ladarba l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni jkun ġie adottat, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill joħorġu dikjarazzjoni flimkien dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sena li tkun ġejja. Dan jippermetti azzjoni rapida u jiżgura li jkun hemm l-attenzjoni politika meħtieġa biex dawk il-prijoritajiet jitwettqu.

Sabiex ikun jista’ jsir ippjanar aktar fit-tul, it-3 istituzzjonijiet tal-UE jadottaw ukoll dikjarazzjonijiet annwali konġunti dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi għas-sena li tkun ġejja (matul il-mandat ta’ 5 snin).

Infografika: Kif jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-UE

Il-proċess biex tfasslet l-aġenda strateġika għall-perjodu 2024-2029

Kif jiġi implimentat il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni

Prijoritajiet oħrajn

Flimkien mal-prijoritajiet t’hawn fuq, anki istituzzjonijiet oħra tal-UE spiss jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom biex jirriflettu l-fehmiet tagħhom.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Kull 6 xhur, gvern differenti tal-UE jkollu l-kariga tal-Presidenza għall-Kunsill tal-UE. Ir-rwol tiegħu huwa li jaġixxi bħala medjatur onest, li jmexxi ’l quddiem id-diskussjonijiet fil-Kunsill – fost il-pajjiżi kollha tal-UE – dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE. 

Kull Presidenza tidentifika s-sett ta’ prijoritajiet tagħha. Dawn jiġu determinati mill-kwistjonijiet urġenti tal-UE f’dak iż-żmien u jkollhom l-għan ġenerali li jsaħħu lill-UE u jippromwovu l-valuri tagħha.

Aktar dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza attwali tal-UE

Il-Parlament Ewropew – il-gruppi politiċi

Il-maġġoranza vasta tas-720 membru tal-Parlament Ewropew (MPE) jappartjenu għal wieħed mit-8 gruppi politiċi attwali, u huma organizzati skont il-partit mhux skont in-nazzjonalità. Kull grupp politiku jistabbilixxi l-prijoritajiet tiegħu, li jkunu jirriflettu l-kwistjonijiet li l-votanti tiegħu jkunu jqisuhom bħala essenzjali.

Qabel kull votazzjoni fil-plenarja, il-gruppi politiċi jeżaminaw ir-rapporti mfassla mill-kumitati parlamentari u jressqu emendi għalihom. Il-pożizzjoni adottata mill-grupp politiku ssegwi diskussjoni fi ħdan il-grupp. Ebda MPE ma jista’ jiġi mġiegħel jivvota b’mod partikolari.

Aktar tagħrif dwar il-gruppi politiċi 

Ġabra ta’ filmati