
F’Ġunju li ġej, il-bandiera tal-Unjoni Ewropea tagħlaq 40 sena. It-12-il kewkba tad-deheb tagħha fuq sfond blu jingħarfu mill-ewwel u huma sinonimi mal-proġett Ewropew, li jgħaqqad lill-Ewropej kollha. Maż-żmien, saret ukoll simbolu tal-ideali tal-UE ta’ għaqda, solidarjetà, u armonija fost il-popli tal-Ewropa.
Il-bandiera ntużat għall-ewwel darba bħala l-bandiera tal-Kunsill tal-Ewropa, fl-1955. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Kunsill tal-Ewropa beda jaħseb għal bandiera li setgħet tagħti lill-Ewropa simbolu li niesha setgħu jidentifikaw ruħhom magħha. Għażel id-disinn li kien jirrappreżenta bl-aħjar mod in-newtralità, il-kunċett ta’ xi ħaġa li ma jgħaddix żmienha, u s-sempliċità.
Għall-kuntrarju tal-impressjoni żbaljata li għandhom ħafna, in-numru 12 ma jirrappreżentax l-għadd ta’ pajjiżi li qegħdin fl-Unjoni tagħna iżda pjuttost huwa simbolu ta’ perfezzjoni u stabbiltà, u ċ-ċirku jfisser għaqda. In-numru fiss ifisser li l-bandiera tibqa’ l-istess anki meta l-Unjoni Ewropea tikber.
Fl-1983 il-Parlament Ewropew adotta l-bandiera maħluqa mill-Kunsill tal-Ewropa u rrakkomanda li din issir l-emblema tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kunsill Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu f’Ġunju 1985. Il-Komunitajiet Ewropej imbagħad saru l-Unjoni Ewropea, kif nafuha llum.
Din il-bandiera, li jagħrafha kulħadd, saret emblema b’saħħitha lil hinn mill-fruntieri tal-UE u sservi ta’ punt ta’ riferiment għal nies li qed jiġġieldu għal drittijiethom: għal-libertà u għad-demokrazija, għad-dinjità u għall-ugwaljanza, għas-saltna tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem, għall-paċi u għas-sigurtà. Madwar 70 sena wara li nħolqot, il-bandiera tal-UE mhux biss tirrappreżenta l-ideali tal-UE, iżda saret ukoll simbolu ta’ tama.
Għal aktar informazzjoni
Intajru l-bandiera Ewropea sa mill-1985
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 27 Ġunju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni