Mur għall-kontenut ewlieni
Bandiera tal-Unjoni Ewropea
European Union

X’inhi Sena Ewropea?

Din hija kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar kwistjoni speċifika li għandha l-għan li tħeġġeġ id-dibattitu u d-djalogu fil-pajjiżi tal-UE u bejniethom. Din tiġbed l-attenzjoni tal-gvernijiet nazzjonali dwar kwistjoni partikolari, u timmira kemm li tinforma kif ukoll tbiddel l-attitudnijiet.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi t-tema għal sena Ewropea, li mbagħad tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-pajjiżi tal-UE. Għalkemm is-snin Ewropej ilhom għaddejjin għal kważi 40 sena, dawn mhux neċessarjament iseħħu kull sena.

Għalfejn għandna bżonnhom?

Is-snin Ewropej spiss jipprovdu finanzjament addizzjonali għal proġetti lokali, nazzjonali u transfruntiera li jindirizzaw it-tema magħżula.

Is-sena Ewropea tibgħat ukoll sinjal politiku qawwi mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-pajjiżi tal-UE li l-kwisjtoni se tiġi indirizzata fil-politiki futuri tagħhom. F'ċerti każijiet, il-Kummissjoni tista’ tipproponi leġiżlazzjoni ġdida fuq it-tema.

X’inhuma t-temi?

Is-snin Ewropej ilhom għaddejjin mill-1983. Dawn huma xi wħud reċenti:

2023-2024 – Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet

Minn Mejju 2023 sa Mejju 2024, eluf ta’ avvenimenti u attivitajiet madwar l-UE ħeġġew lin-nies jiksbu l-ħiliet it-tajba għal impjiegi ta’ kwalità u għenu lill-kumpaniji jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet.

2022 – Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ

Iż-żgħażagħ ħadu sehem f’aktar minn 13,000 attività f’67 pajjiż, u enfasizzaw il-kontribut importanti tagħhom għall-bini ta’ futur aktar ekoloġiku, aktar inklużiv u diġitali.

2021 – Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji

Din is-sena Ewropea poġġiet il-ferroviji fiċ-ċentru tal-attenzjoni madwar l-Ewropa, u wriet ir-rwol ewlieni tagħha biex tgħin biex sal-2050 tintlaħaq in-newtralità klimatika.

2018 – Is-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali

Saru 23,000 avveniment f’37 pajjiż immirati biex titqajjem sensibilizzazjoni dwar il-wirt kulturali tal-Ewropa bħala riżorsa, kif għandu jiġi protett u tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tiegħu għall-futur.

2015 – Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp

Din is-sena Ewropea qajmet sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, mhux biss għall-benefiċjarji tagħha iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-UE, u għenet biex jiġi żviluppat sens ta’ responsabbiltà kondiviża u solidarjetà ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

2013-2014 – Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini

Id-djalogi maċ-ċittadini kienu riżultat ewlieni ta’ din is-Sena Ewropea, li kienet iddedikata biex tħeġġeġ lill-pubbliku jinvolvi ruħu fil-bini ta’ UE aktar b’saħħitha u aktar politika.