Mur għall-kontenut ewlieni

Lejn kummerċ dinji miftuħ u ġust

L-Unjoni Ewropea hi waħda mill-aktar ekonomiji fid-dinja orjentata minn ġewwa għall-barra. Hija wkoll l-akbar żona dinjija b'suq uniku. Il-kummerċ ħieles fost il-membri tagħha kien wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE, u hi impenjata tilliberalizza l-kummerċ dinji wkoll.

Bejn l-1999 u l-2010, il-kummerċ barrani fl-UE rdoppja u issa jammonta għal aktar minn 30% tal-prodott domestiku gross tal-UE (PDG). L-UE hi responsabbli għall-politika tal-kummerċ tal-pajjiżi membri u tinnegozja l-ftehimiet għalihom. L-UE titkellem b’leħen wieħed u b’hekk għandha aktar saħħa fin-negozjati kummerċjali internazzjonali milli kieku kull membru individwali jinnegozja għal rasu.

L-UE hija impenjata b’mod attiv ma’ pajjiżi jew gruppi reġjonali biex jiġu nnegozjati ftehimiet kummerċjali. Dawn il-ftehimiet jagħtu aċċess li hu ta’ benefiċċju reċiproku għas-swieq kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi kkonċernati. Il-kumpaniji tal-UE jistgħu jkabbru n-negozju tagħhom, u jistgħu wkoll jimpurtaw faċilment il-materja prima li jużaw biex jagħmlu l-prodotti tagħhom.

Kull ftehim huwa uniku u jista’ jinkludi tnaqqis fit-tariffi, regoli dwar kwistjonijiet bħall-proprjetà intellettwali jew l-iżvilupp sostenibbli, jew klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-UE tikseb ukoll kontribut mill-pubbliku, in-negozji, u l-korpi mhux governattivi meta tkun qed tinnegozja ftehimiet jew regoli kummerċjali.

L-UE tappoġġja u tiddefendi l-industrija u n-negozji tal-UE billi taħdem biex jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ sabiex l-esportaturi Ewropej jiksbu kundizzjonijiet ġusti u aċċess għal swieq oħrajn. Fl-istess ħin, l-UE tappoġġja l-kumpaniji barranin permezz ta’ informazzjoni prattika dwar kif jaċċessaw is-suq tal-UE.

L-UE taħdem ukoll mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex tgħin fl-istabbiliment ta’ regoli kummerċjali globali u t-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ bejn il-membri tad-WTO.

Gallerija tal-Videos