Żoni rurali ħajjin u prodotti agrikoli ta’ kwalità
Jeħtieġ li sal-2050 tirdoppja l-produzzjoni dinjija tal-ikel biex tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni u d-drawwiet tal-ikel li qed jevolvu. Hija tiffaċċja l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità, il-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma, u d-domandi fis-suq globali.
Il-politika agrikola tal-UE nbidlet b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar għexur ta’ snin biex tgħin lill-bdiewa jaffaċċjaw dawn l-isfidi u tirrispondi lejn il-bidla fl-attitudnijiet u l-aspettattivi tan-nies. Il-politika agrikola tal-UE tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma, inklużi l-kwalità tal-ikel, it-traċċabbiltà, il-kummerċ u l-promozzjoni tal-prodotti tal-biedja tal-UE. L-UE tappoġġja finanzjarjament lill-bdiewa tagħha u tinkoraġġixxi prattiki sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, filwaqt li tinvesti wkoll fl-iżvilupp ta’ żoni rurali.
L-istituzzjonijiet tal-UE jikkollaboraw dwar it-tfassil ta’ politika fl-oqsma tal-ikel u l-biedja permezz tal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħha. L-awtoritajiet nazzjonali u lokali jimplimentaw il-liġijiet miftiehma fil-livell tal-UE. Permezz tal-baġit tal-UE, il-fondi jsiru disponibbli għall-Istati Membri skont ir-regoli stabbiliti fil-livell tal-UE. L-UE tissorvelja wkoll kif il-liġijiet huma applikati, kemm huma effettivi, u tikkoordina l-emendi.
L-agrikoltura u l-industriji u s-servizzi relatati mal-ikel jipprovdu aktar minn 44 miljun impjieg fl-UE, inkluż xogħol regolari għal 20 miljun persuna fi ħdan is-settur agrikolu nnifsu. Bis-saħħa tal-klima varjata tagħha, ħamrija fertili, il-ħiliet tekniċi tal-bdiewa tagħha u l-kwalità tal-prodotti tagħha, l-UE hija waħda mill-produtturi u l-esportaturi ewlenin fid-dinja ta’ prodotti agrikoli.
Avvenimenti u informazzjoni relatati
- Sib l-avvenimenti li jmiss fil-qasam tal-ikel u tal-biedja fl-istituzzjonijiet u l-postijiet tal-UE
- Ibbrawżja l-librerija għall-pubblikazzjonijiet dwar l-agrikoltura u l-agroaltimentari
- Il-materjali tat-tagħlim dwar l-ikel u l-agrikoltura għal studenti ta’ kull età
- Infografika - Politika agrikola komuni (PAK)
- Ibqa’ konness permezz tal-midja soċjali