Garanzija ta’ ikel sikur mir-razzett sal-mejda
Il-protezzjoni tas-saħħa hija l-għan tal-liġijiet u l-istandards tal-UE kollha fis-setturi tal-agrikoltura, it-trobbija tal-annimali u l-produzzjoni tal-ikel. Korp estensiv ta’ leġiżlazzjoni mal-UE kollha jkopri l-katina sħiħa tal-produzzjoni tal-ikel u tal-ipproċessar fi ħdan l-UE, kif ukoll l-oġġetti importati u esportati.
Il-pajjiżi tal-UE jimplimentaw dawn l-istandards armonizzati u jistabbilixxu kontrolli biex jinfurzawhom. L-UE tawditja l-applikazzjoni u l-effikaċja tal-liġijiet u l-kontrolli, u tipprovdi wkoll taħriġ lill-awtoritajiet responsabbli tal-UE u internazzjonali.
Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari u l-azzjoni hi kkonċentrata f’4 oqsma ewlenin ta’ protezzjoni:
- L-iġjene tal-ikel: in-negozji tal-ikel, mill-irziezet sar-ristoranti, iridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-ikel tal-UE, inklużi dawk li jimportaw ikel lejn l-UE.
- Is-saħħa tal-annimali: il-kontrolli u l-miżuri sanitarji għall-annimali domestiċi, l-annimali mrobbijin fi rziezet u l-annimali salvaġġi jimmonitorjaw u jimmaniġġjaw il-mard, u jintraċċaw il-moviment tal-annimali tar-razzett kollha.
- Is-saħħa tal-pjanti: id-detezzjoni u l-qerda ta’ organiżmi ta’ ħsara fi stadju bikri jipprevjenu t-tixrid u jiżguraw żrieragħ b’saħħithom.
- Il-kontaminanti u r-residwi: il-monitoraġġ iżomm il-kontaminanti 'l bogħod mill-ikel u l-għalf tal-annimali. Japplikaw limiti massimi aċċettabbli għall-prodotti domestiċi u importati tal-ikel u tal-għalf.
- Is-sistema ta’ twissija għall-ikel u l-għalf (RASFF)
- Is-sistema ta’ traċċar tal-annimali (TRACES)
- Il-bażi ta’ data dwar il-pestiċidi tal-UE
- In-notifiki tas-saħħa tal-pjanti u l-interċettazzjonijiet (EUROPHYT)
L-awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tipprovdi valutazzjonijiet ta’ riskju u parir xjentifiku indipendenti li tinforma l-istandards ta’ sikurezza tal-ikel tal-UE.