Ħarsa ġenerali
- Rwol: Biex ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa jissarrfu f’benefiċċji tanġibbli għall-pazjenti u s-soċjetà, u jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem nett fir-riċerka interdixxiplinari, sostenibbli u ffukata fuq il-pazjent dwar is-saħħa.
- Direttur Eżekuttiv ad interim: Dr Hugh Laverty
- Sħab: L-UE (irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea), COCIR (immaġnijiet mediċi, radjoterapija, ICT tas-saħħa u industriji elettromediċi); EFPIA (industrija bijofarmaċewtika), EuropaBio (industrija tal-bijoteknoloġija); MedTech Europe (industrija tat-teknoloġija medika) u Vaccines Europe (industrija tal-vaċċini).
- Stabbilita fi: 2021
- Numru ta’ staff: 55
- Post: Brussell (il-Belġju)
- Sit web: Impriża Konġunta IHI
Ix-xjenza qed tixpruna żviluppi ġodda li ħafna drabi jkopru setturi differenti fi ħdan il-komunità tax-xjenza tal-ħajja. B’riżultat ta’ dan, għadd dejjem jikber ta’ pazjenti diġà jużaw apparat mediku, teknoloġiji diġitali u servizzi tas-saħħa elettronika flimkien ma’ mediċini bħala parti mill-kura tas-saħħa tagħhom.
Meta wieħed iħares lejn il-futur, huwa ċar li skoperti ġodda se jinvolvu dejjem aktar skoperti transsettorjali, bħal kombinazzjonijiet ta’ apparati mediċi u mediċini jew dijanjostika tal-IA. Madankollu, ħafna drabi, is-setturi industrijali involuti fir-riċerka u l-kura tas-saħħa (farmaċewtika, diġitali, IT, apparat mediku, dijanjostika, eċċ.) jaħdmu b’mod iżolat. Neħtieġu b’mod urġenti approċċ innovattiv u aktar integrat għar-riċerka dwar is-saħħa u l-kura tas-saħħa.
X’tagħmel
L-IHI għandha l-għan li:
- tittrasforma r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa f’benefiċċji reali għall-pazjenti u għas-soċjetà
- twassal innovazzjonijiet tas-saħħa sikuri u effettivi li jkopru l-ispettru kollu tal-kura – mill-prevenzjoni sad-dijanjożi u t-trattament – b’mod partikolari f’oqsma fejn hemm ħtieġa mhux issodisfata għas-saħħa pubblika
- tagħmel l-industriji tas-saħħa tal-Ewropa globalment kompetittivi.
Hi tiffinanzja l-proġetti ta' riċerka transsettorjali u kollaborattivi li jlaqqgħu flimkien il-partijiet kollha involuti fir-riċerka tas-saħħa, inklużi:
- universitajiet
- industriji relatati mas-saħħa
- intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)
- organizzazzjonijiet tal-pazjenti
- korpi regolatorji.
L-IHI tibni fuq is-suċċessi u t-tagħlimiet meħuda mill-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi, sħubija bejn l-UE u l-industrija farmaċewtika. L-IMI wriet li approċċ ta’ sħubija pubblika-privata jagħti riżultati f’oqsma fejn hemm nuqqas ta’ trattamenti sikuri u effettivi (eż. id-dimenzja) u/jew fejn l-impatt fuq is-saħħa pubblika huwa l-akbar (eż. id-dijabete, ir-reżistenza antimikrobika).
Min jibbenefika
- Il-pazjenti jistgħu jinfluwenzaw ir-riċerka fil-kundizzjonijiet tagħhom; b'mod aktar fit-tul, huma u s-soċjetà b'mod ġenerali se jibbenefikaw minn aċċess aktar veloċi għal mediċini aħjar u aktar sikuri.
- Ir-riċerkaturi akkademiċi u l-SMEs jiksbu għarfien u aċċess għall-finanzjament tar-riċerka.
- Kumpaniji akbar jiksbu għarfien u għodod biex itejbu l-attivitajiet tagħhom ta’ R&Ż.
- Il-parteċipanti kollha tal-proġett jibbenefikaw mill-għarfien espert ta’ sħab oħra u mill-opportunità li skoperti xjentifiċi jissarrfu f’għodod u riżorsi utli li fl-aħħar mill-aħħar se jgħinu fit-titjib tal-kura tas-saħħa.
Aktar informazzjoni
Kuntatt
- Isem
- Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva (IHI JU)
- Sit web
- https://www.ihi.europa.eu/
- Numru tat-telefown
- +32 2 221 81 81
- Indirizz postali
- IHI JU, TO 56, 1049 Bruxelles/ Brussel, Belgium
- Media soċjali