Skip to main content
Aġenzija deċentralizzata

l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

Logo of European Border and Coast Guard Agency (Frontex)

Ħarsa ġenerali

  • Rwol: Frontex tgħin pajjiżi tal-UE u pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jimmaniġġjaw il-fruntieri esterni tagħhom. Hi tgħin ukoll biex jiġu armonizzati l-kontrolli tal-fruntieri fl-UE kollha. L-Aġenzija tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri f’kull pajjiż tal-UE, billi tipprovdi appoġġ tekniku u kompetenzi ta' ħila.
  • Direttur: Fabrice Leggeri
  • Stabbilita: fl-2004
  • Numru ta’ persunal: 315
  • Baġit EUR 250 miljun
  • Lok: Varsavja (il-Polonja)
  • Sit web: Frontex

Dak li tagħmel

F’dawn l-aħħar snin il-fruntieri esterni tal-Ewropa raw żieda bla preċedent fin-numru ta’ migranti u refuġjati li jixtiequ jidħlu fl-UE. Pajjiżi li għandhom fruntiera esterna għandhom ir-responsabbiltà unika għall-kontrolli tal-fruntiera. Iżda Frontex tista' tipprovdi appoġġ tekniku addizzjonali għall-pajjiżi tal-UE li qed jiffaċċjaw pressjoni migratorja qawwija.

Hi tagħmel dan billi tikkoordina l-iskjerament ta' tagħmir tekniku addizzjonali (p.e. ajruplani u dgħajjes) u persunal speċjalizzat tal-fruntieri.

Frontex tikkoordina l-operazzjonijiet marittimi (p.e. fil-Greċja, l-Italja u Spanja) iżda wkoll ma' fruntieri terrestri esterni, inklużi l-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Polonja u s-Slovakkja. Hi preżenti wkoll f'bosta ajruporti internazzjonali fl-Ewropa kollha.

Frontex għandha diversi oqsma ta’ responsabbiltà, stabbiliti fir-Regolament (KE).

Dawn jinkludu:

  • Analiżi tar-riskju - l-attivitajiet ta' Frontex kollha jitmexxew b'analiżi tar-riskju. Frontex tivvaluta r-riskji għas-sigurtà tal-fruntieri tal-UE. Tibni stampa ta' xejriet u ta' tendenzi fil-migrazzjoni irregolari u fl-attivitajiet kriminali bejn il-fruntieri mal-fruntieri esterni, inkluż it-traffikar tal-bniedem. Hi tiskambja s-sejbiet tagħha mal-pajjiżi tal-UE u mal-Kummissjoni u dawn jintużaw mill-aġenzija biex tippjana l-attivitajiet tagħha.
  • Operazzjonijiet konġunti - tikkoordina l-iżvilupp ta' persunal imħarreġ b'mod speċjalizzat u ta' tagħmir tekniku (ajruplani, bastimenti, u kontrolli/tagħmir ta' sorveljanza tal-fruntieri) f'żoni ta' fruntieri esterni li għandhom bżonn ta' assistenza addizzjonali.
  • Rispons rapidu - jekk pajjiż tal-UE qed jiffaċċja pressjoni estrema ma' fruntiera esterna, b'mod speċjali l-wasla ta' numri kbar ta' persuni li mhumiex mill-UE, Frontex tikkoordina l-iskjerament tal-Iskwadra Ewropea ta' Gwardji tal-Fruntiera.
  • Riċerka - tlaqqa' flimkien lill-esperti tal-kontroll tal-fruntieri mar-riċerka u mal-industrija biex tiżgura li t-teknoloġija l-ġdida tissodisfa l-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri.
  • Taħriġ - tiżviluppa standards ta' taħriġ komuni għall-awtoritajiet tal-fruntieri, biex tiġi armonizzata l-edukazzjoni tal-għassa tal-fruntieri fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Schengen. Din l-armonizzazzjoni hi intenzjonata biex tiżgura li kull fejn il-vjaġġaturi jaqsmu fruntiera esterna tal-UE, huma jiltaqgħu ma' standards ta' kontroll ta' fruntieri uniformi. Dan jippermetti lill-gwardji tal-fruntieri minn pajjiżi differenti biex jaħdmu flimkien b'mod effiċjenti meta skjerati f'operazzjonijiet konġunti kkoordinati minn Frontex.
  • Ritorni konġunti - tiżviluppa l-aħjar prattiki għal migranti li jirritornaw u tikkoordina l-operazzjonijiet ritorni konġunti (iżda l-pajjiżi individwali jiddeċiedu min għandu jintbagħat lura).
  • Sambju ta' informazzjoni - tiżviluppa u topera sistemi ta' informazzjoni li jagħmluha possibbli li jsir skambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri.

Min jibbenifika

Kull sena, madwar 700 miljun persuna jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Ewropa.

Għalhekk wieħed mill-akbar sfidi hu li tinkixef attività illegali mingħajr ma jinħoloq dewmien għal vjaġġaturi oħrajn.

M'hemmx kontroll tal-fruntieri permanenti bejn il-pajjiżi ta' Schengen, għalhekk il-kontrolli tal-fruntieri esterni huma saħansitra aktar importanti. Il-membri ta' Schengen jiddipendu fuq il-kwalità tal-verifiki u tas-sorveljanza tal-fruntieri mwettqin minn pajjiżi oħrajn tal-UE.

Fiż-żona Schengen, karozza misruqa fl-Italja tista' ssuq b'mod ħieles sal-fruntiera Pollakka-Ukraina. Xi ħadd li jasal fil-Finlandja b'passaport falz jista' jivvjaġġa sal-Portugall mingħajr ma jitwaqqaf. Vittma ta' traffikar li tidħol Franza tista' tiġi trasportata sal-Iżvezja.

Dan ifisser li l-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE hu kruċjali għall-pajjiżi kollha tal-UE fl-Ewropa. Frontex saret punt ċentrali ta' kuntatt, u tistabbilixxi l-istandards għall-gwardji tal-fruntieri Ewropej kollha. L-aġenzija tiżgura li l-intelliġenza ewlenija (p.e. dwar dokumenti falsifikati, karozzi misruqin jew traffikanti tal-bnedmin) hi skambjata immedjatament mal-awtoritajiet tal-fruntieri kollha.

Il-ġlieda tal-kriminalità bejn il-fruntieri mhix biss dwar l-iskambju ta' informazzjoni, iżda wkoll dwar l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet fit-tul. Frontex tagħmel dan billi tħejji programmi ta' taħriġ għall-gwardji tal-fruntieri mal-Ewropa kollha.

Bl-għajnuna ta' Frontex, il-gwardji tal-fruntieri fl-UE attwalment jaħdmu b'mod eqreb flimkien. Huma jiskambjaw l-għarfien u għandhom aċċess għall-informazzjoni mhux biss dwar dak li qed jiġri mal-fruntieri tagħhom iżda mal-fruntieri esterni kollha tal-UE. Huma jistgħu wkoll jitgħallmu dwar l-aħħar metodi u teknoloġiji li jistgħu jtejbu l-kwalità ta' xogħolhom. U jistgħu jappoġġjaw lil xulxin jekk fruntiera waħda partikulari hi taħt pressjoni mhux tas-soltu.

Kuntatt

Isem
l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)
Sit web
https://frontex.europa.eu/mt/
Numru tat-telefown
+48 22 205 95 00
Numru tal-faks
+48 22 205 95 01
Indirizz postali
Plac Europejski 6, 00-844 Warsaw, Poland
Media soċjali