Ħarsa ġenerali
- X’inhu r-rwol tagħha: l-aġenzija tappoġġja proġetti Ewropej ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u tipprovdi forum għall-ministeri Ewropej tad-difiża.
- Min hu l-Kap Eżekuttiv: Jiří Šedivý
- Min huma l-membri: is-27 Stat Membru tal-UE
- Meta twaqqfet: fl-2004
- Kemm għandha persunal: 180
- Fejn hija bbażata: Brussell (il-Belġju)
- Is-sit elettroniku tagħha: EDA
L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ġiet stabbilita fl-2004 u tgħin lis-27 Stat Membru tagħha (il-pajjiżi kollha tal-UE) biex jiżviluppaw ir-riżorsi militari tagħhom.
Tippromwovi l-kollaborazzjoni, tniedi inizjattivi ġodda, u tintroduċi soluzzjonijiet biex jitjiebu l-kapaċitajiet tad-difiża. Tgħin ukoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ difiża konġunta jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk.
L-EDA hi faċilitatur ewlieni fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet li fuqhom hija msejsa l-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) tal-UE.
L-aġenzija hi bbażata fi Brussell u timpjega madwar 180 ruħ. Bħala kap għandha lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.
X’tagħmel l-aġenzija
L-EDA tappoġġja lis-27 Stat Membru tagħha – il-pajjiżi kollha tal-UE – fit-titjib tal-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom permezz tal-kooperazzjoni Ewropea.
Taġixxi bħala faċilitatur u tippermetti l-aċċess għall-ministeri tad-difiża li lesti jaħdmu fuq proġetti kollaborattivi dwar il-kapaċità tad-difiża.
L-aġenzija hi ċentru ta’ koperazzjoni tad-difiża Ewropea. L-għarfien espert u n-networks tagħha jippermettulha tkopri spettru wiesa’ fil-qasam tad-difiża, inklużi:
- l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti biex jinkisbu kapaċitajiet operattivi
- ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ dimostraturi tat-teknoloġija
- it-taħriġ u l-eżerċizzji ta’ manutenzjoni li jappoġġjaw l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.
L-EDA taħdem ukoll biex tissaħħaħ l-industrija tad-difiża Ewropea u taġixxi bħala faċilitatur u intermedjarju bejn il-partijiet ikkonċernati militari tal-Istati Membri u l-politiki tal-UE li għandhom impatt fuq id-difiża.
F’Mejju 2017, l-Istati Membri qablu li jsaħħu l-missjoni tal-aġenzija, inkluż billi jagħmluha l-operatur ċentrali għall-attivitajiet relatati mad-difiża ffinanzjati mill-UE.
Min jibbenefika
L-Istati Membri tal-UE (UE-27) jibbenefikaw mill-mod flessibbli kif taħdem l-aġenzija li jippermettilhom jiddeċiedu dwar il-parteċipazzjoni tagħhom skont il-ħtiġijiet tad-difiża nazzjonali tagħhom.
L-EDA tgħin lill-ministeri Ewropej tad-difiża jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-kapaċità u tat-taħriġ fil-qasam tad-difiża .
L-EDA għandha ftehimiet ma’ xi pajjiżi li mhumiex fl-UE (in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, u l-Ukrajna). Għandha wkoll Arranġament Amministrattiv mad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti li jipprevedi kooperazzjoni transatlantika aktar b’saħħitha fid-difiża f’oqsma speċifiċi, inkluż fl-iskambju ta’ informazzjoni.
Kuntatt
L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA)
- Isem
- L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA)
- Sit web
- https://www.eda.europa.eu/
- Numru tat-telefown
- +32 2 504 28 00
- Numru tal-faks
- +32 2 504 28 15
- Indirizz postali
Rue des Drapiers/Lakenweversstraat 17-23
1050 Bruxelles/Brussel
Belgium- Media soċjali