Ħarsa ġenerali
- Rwol: l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE
- Kap Prosekutur Ewropew: Laura Codruța Kövesi
- Operazzjonali minn: 2021
- Post: Il-Lussemburgu (il-Lussemburgu)
- Sit web: L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa uffiċċju tal-prosekuzzjoni pubblika indipendenti tal-Unjoni Ewropea. Huwa jfittex li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni Ewropea u jressaq quddiem il-ġustizzja reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE.
X’jagħmel l-UPPE?
L-UPPE jwettaq investigazzjonijiet, iwettaq atti ta’ prosekuzzjoni, u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti.
L-UPPE jittratta l-hekk imsejħa “reati PIF” elenkati fid-Direttiva (UE) 2017/1371. Dawn jinkludu:
- frodi transfruntiera tal-VAT li tinvolvi danni totali ta’ mill-inqas €10 miljun
- frodi ta’ nefqa u frodi doganali
- korruzzjoni li tagħmel ħsara, jew li x’aktarx tagħmel ħsara, lill-interessi finanzjarji tal-UE
- miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi tal-UE minn uffiċjal pubbliku
- ħasil tal-flus
- kwalunkwe reat ieħor marbut b’mod inseparabbli ma’ waħda mill-kategoriji preċedenti
L-UPPE jħarrek ukoll reati rigward il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali – jekk l-enfasi tagħha tkun li twettaq reat PIF.
Kompożizzjoni
L-UPPE hu magħmul minn żewġ livelli: il-livell ċentrali u l-livell deċentralizzat (nazzjonali).
- Il-livell ċentrali jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew, 22 Prosekutur Ewropew (li tnejn minnhom huma Viċi Kapijiet Prosekuturi), id-Direttur Amministrattiv, u l-istaff ta’ appoġġ.
- Il-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej jiffurmaw il-Kulleġġ tal-UPPE. Flimkien, huma jiddeċiedu dwar kwistjonijiet strateġiċi u jadottaw regoli ta’ proċedura interni.
- Il-livell deċentralizzat tal-UPPE jikkonsisti mill-Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istati Membri parteċipanti. Sal-lum, 24 Stat Membru tal-UE jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa.
Kif jaħdem l-UPPE?
Kull rapport dwar reat li jirċievi l-UPPE jiġi vverifikat u rreġistrat fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet, u wara dan jiġi assenjat lil Prosekutur Delegat Ewropew. Jekk tinfetaħ investigazzjoni, il-Prosekutur Delegat Ewropew – appoġġjat mill-investigaturi finanzjarji u l-analisti tal-każijiet tal-UPPE, kif ukoll mill-pulizija nazzjonali, mid-dwana u mis-servizzi tat-taxxa – jinvestiga mill-bidu sal-aħħar.
L-Awli Permanenti tal-UPPE jimmonitorjaw l-azzjonijiet meħuda mill-Prosekuturi Delegati Ewropej. Kull Awla Permanenti (total ta’ 15) hija magħmula minn tliet Prosekuturi Ewropej minn pajjiżi oħra għajr dak involut fl-investigazzjoni. Dan joħloq saff addizzjonali ta’ indipendenza.
Fi tmiem l-investigazzjoni, il-każ jiġi pproċessat quddiem il-qrati nazzjonali.
L-UPPE u int
Jekk għandek raġunijiet biex tissuspetta li twettaq reat kriminali kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, trid tirrapportah lill-UPPE. M’intix meħtieġ tipprovdi evidenza ta’ sostenn jekk din ma tkunx disponibbli. Kull ċittadin tal-UE, ċittadin mhux tal-UE, jew entità ġuridika tista’ tirrapporta reat lill-UPPE, bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE, permezz tal-formola web Irrapporta Reat.
Aktar Informazzjoni
Kuntatt
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
- Isem
- L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
- Sit web
- https://www.eppo.europa.eu/mt
- Indirizz postali
11 Avenue John F. Kennedy
1855 Il-Lussemburgu
Luxembourg- Media soċjali