Ħarsa ġenerali
Belt kapitali: Ljubljana
Lingwa(i) uffiċjali tal-UE: Is-Sloven
Pajjiż membru tal-UE: mill-1 ta’ Mejju 2004
Munita: l-euro. Membru taż-żona tal-euro mill-1 ta’ Jannar 2007
Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-21 ta’ Diċembru 2007.
Ċifri: Daqs ġeografiku - popolazzjoni - prodott domestiku gross (PDG) per capita skont l-istandards tal-poter tal-akkwist
Sistema politika
Is-Slovenja hi repubblika demokratika parlamentari b’kap tal-gvern - il-prim ministru - u kap tal-istat - il-president - li jiġi elett direttament. Il-gvern għandu l-awtorità eżekuttiva u amministrattiva. Il-prim ministru u l-ministri jiġu eletti mill-Parlament. Is-Slovenja m’għandhiex reġjuni, iżda hi subdiviża f’212-il muniċipalità.
Kummerċ u ekonomija
L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tas-Slovenja fl-2020 kienu l-industrija (27.2%), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (19.1%), l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (18.1%).
Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 67% tal-esportazzjonijiet tas-Slovenja (il-Ġermanja 17%, l-Italja 9% u l-Kroazja 7%), filwaqt li barra mill-UE 10% jmorru fl-Iżvizzera u 3% fis-Serbja.
F’termini ta’ importazzjonijiet, 59% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 14%, l-Italja 10% u l-Awstrija 8%), filwaqt li barra mill-UE 6% jiġu mit-Turkija u miċ-Ċina.
Is-Slovenja fl-UE
Il-Parlament Ewropew
Hemm 8 membri tal-Parlament Ewropew mis-Slovenja. Skopri min huma dawn il-MPE
L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fis-Slovenja
Il-Kunsill tal-UE
Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom b’mod regolari rappreżentanti tal-gvern Sloven, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE
Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.
Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.
Id-dati tal-presidenzi Sloveni:
Jan-Ġun 2008 | Lul-Diċ 2021
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE
Presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissarju nominat mis-Slovenja għall-Kummissjoni Ewropea hu Janez Lenarčič, li hu responsabbli għall-Immaniġġar ta' Kriżijiet.
Il-Kummissjoni hi rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.
Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fis-Slovenja
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Is-Slovenja għandha 7 rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħrajn ta’ interess – hu kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Is-Slovenja għandha 7 rappreżentanti fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.
Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE
Is-Slovenja tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-"ambaxxata għall-UE" tas-Slovenja, il-kompitu ewlieni tagħha huwa li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.
Il-Baġits u l-Finanzjament
Kemm tħallas u tirċievi s-Slovenja?
L-ammont li jħallas kull pajjiż tal-UE fil-baġit tal-UE huwa kkalkulat b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa.
L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej b’mod ġenerali.
Ċifri dwar il-baġit, id-dħul u l-infiq tal-UE:
Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fis-Slovenja
Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mis-Slovenja jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE - bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.
Skopri aktar dwar kif is-Slovenja tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.