Ħarsa ġenerali
- L-irwol: li tikkontrolla li l-fondi tal-UE jinġabru u jintużaw kif għandu jkun, u tgħin biex jitjieb l-immaniġġjar finanzjarju tal-UE
- Il-President: Tony Murphy
- Il-membri: wieħed minn kull pajjiż tal-UE
- Meta twaqqfet: fl-1975, u bdiet tiffunzjona fl-1977
- Is-sede: il-Lussemburgu
- Il-website: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Bħala l-awditur estern indipendenti tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tħares l-interessi ta' dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE. M’għandhiex setgħat legali iżda taħdem biex ittejjeb il-mod kif jiġu mmaniġġjati l-finanzi tal-UE.
X’tagħmel il-QEA?
- tawditja d-dħul u n-nefqa tal-UE, biex tivverifika jekk il-fondi tal-UE jkunux qed jinġabru u jintefqu tajjeb, jekk ikunx qed jingħata kont kif imiss ta’ kif ikunu qed jintefqu, u jekk ikunux qed jintużaw b’mod li jagħti valur għall-flus
- tiċċekkja lil kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li jgħaddu minn taħt idejhom il-fondi tal-UE — inkluż b’verifiki fuq il-post fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji, u l-korpi tal-UE, kif ukoll fil-pajjiżi tal-UE u fil-pajjiżi mhux fl-UE li jirċievu l-għajnuna mingħand l-UE
- tħejji rapporti tal-awditjar bis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha
- tirrapporta suspetti ta’ frodi, korruzzjoni, jew attività illegali oħra lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)
- tipproduċi rapport annwali għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE, li l-Parlament jeżaminah qabel ma jiddeċiedi jekk japprovax il-mod kif il-Kummissjoni tkun qed timmaniġġja l-baġit tal-UE
- tippubblika opinjonijiet dwar proposti għal leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta li tkun se tolqot l-immaniġġjar finanzjarju tal-UE, kif ukoll analiżijiet u pubblikazzjonijiet ad hoc dwar kwistjonijiet relatati mal-finanzi pubbliċi tal-UE.
Biex tkun effettiva, il-QEA trid tkun indipendenti mill-istituzzjonijiet u l-korpi li tawditja. Għal dan l-għan, hija libera li tiddeċiedi dwar
- x’tawditja
- kif tawditja
- kif u meta tippreżenta dak li jirriżultalha.
Ix-xogħol tal-awditjar tal-QEA jiffoka prinċipalment fuq il-Kummissjoni Ewropea — il-korp ewlieni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Iżda taħdem ukoll mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, minħabba li l-Kummissjoni timmaniġġja l-biċċa l-kbira tal-fondi tal-UE (madwar 80%) flimkien magħhom.
Kif inhi magħmula
Il-membri tal-Qorti jinħatru mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament, għal mandati ta' 6 snin li jistgħu jiġġeddu. Huma jagħżlu wieħed minn fosthom bħala President għal mandat ta’ 3 snin (li wkoll jista’ jiġġedded).
Kif taħdem il-QEA?
Twettaq tliet tipi ta’ awditi:
- awditi finanzjarji — verifika li tkun qed jingħata kont kif imiss ta’ fejn ikunu qed imorru l-fondi tal-UE
- awditi tal-konformità — verifika li l-fondi tal-UE jkunu qed jiġu ġġenerati jew ikunu qed jintefqu skont ir-regoli
- awditi tal-prestazzjoni — verifika li l-fondi tal-UE jkunu qed jintużaw b’mod li jagħti valur għall-flus.
Il-membri tal-QEA u l-persunal responsabbli mill-awditjar jiġu assenjati f’awli tal-awditjar, fejn jiġu adottati l-biċċa l-kbira tar-rapporti tal-awditjar, l-analiżijiet, u l-opinjonijiet tal-QEA.
Il-QEA u int
Tista’ tikkuntattja lill-QEA jew tissuġġerixxi suġġett tal-awditjar billi timla l-formola ta’ kuntatt.
Aċċess għad-dokumenti
Kalendarju indikattiv tal-pubblikazzjonijiet li ħerġin
