Skip to main content

Kisbiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea u benefiċċji tanġibbli

Kisbiet ewlenin

Sa mill-1957, l-Unjoni Ewropea kisbet affarijiet kbar għaċ-ċittadini tagħha u għad-dinja:

  • kontinent fil-paċi
  • libertà għaċ-ċittadini tagħha biex jgħixu, jistudjaw jew jaħdmu fi kwalunkwe post fl-UE
  • l-akbar suq uniku fid-dinja
  • għajnuna u assistenza għall-iżvilupp għal miljuni ta’ nies mad-dinja kollha

Paċi u stabbiltà

L-UE wasslet għal aktar minn nofs seklu ta’ paċi, stabbiltà u prosperità. Għandha wkoll rwol importanti fid-diplomazija u taħdem biex tippromwovi dawn l-istess benefiċċji – kif ukoll id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt – mad-dinja kollha.

70 sena ta’ paċi dejjiema

70 sena ta’ paċi dejjiema

 

Is-suq uniku

Il-magna ekonomika ewlenija tal-UE hi s-suq uniku. Hu jagħmilha possibbli għall-biċċa l-kbira tal-oġġetti, tas-servizzi, tal-flus u tan-nies li jiċċaqalqu b’mod ħieles fil-biċċa l-kbira tal-kontinent.

Ċertament sar ħafna aktar faċli li tiċċaqlaq fl-Ewropa – iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jistudjaw, jaħdmu jew jirtiraw fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Bħala ċittadin tal-UE, għal finijiet ta’ impjieg, sigurtà soċjali u taxxa, kull pajjiż tal-UE huwa meħtieġ jittrattak eżattament l-istess bħaċ-ċittadini tiegħu stess.

Id-drittijiet u l-protezzjonijiet taċ-ċittadini

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti liċ-ċittadini tal-UE u lir-residenti legali firxa wiesgħa ta’ drittijiet, ippromulgati fil-liġi tal-UE f’ħafna oqsma.

Il-Karta tad-drittijiet fundamentali

Il-Karta tiġbor flimkien id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu n-nies fl-UE.

Il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-UE

Drittijiet marbuta mal-impjiegi

Kull ħaddiem tal-UE jgawdi minn ċerti drittijiet minimi relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; opportunitajiet indaqs; protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni; u liġijiet tax-xogħol.

Drittijiet diġitali

L-UE ħadet pożizzjoni b’saħħitha biex tipproteġi d-drittijiet individwali u l-informazzjoni personali fil-liġijiet tagħha dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, biex tiżgura li lkoll ikollna aktar kontroll fuq id-data personali tagħna.

Drittjiet tal-konsumatur

Il-konsumaturi tal-UE jistgħu jħossuhom sikuri fl-għarfien li se jieħdu flushom lura jekk jirritornaw prodotti mhux mixtieqa, u se jirċievu rifużjoni jekk jesperjenzaw xi dewmien jew kanċellazzjonijiet li jistgħu jiġu evitati waqt li jkunu qed jivvjaġġaw.

U l-istandards li jridu jintlaħqu għall-prodotti fil-ħwienet tal-UE huma fost l-aktar stretti fid-dinja, kemm f’termini ta’ kwalità kif ukoll ta’ sikurezza.

Id-drittijiet tax-xerrejja

Negozju, tkabbir u kummerċ

L-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja. Hija l-akbar esportatur dinji ta’ prodotti u servizzi manufatturati, u hi l-akbar suq tal-importazzjoni għal aktar minn 100 pajjiż.

Il-kummerċ ħieles bejn il-membri tagħha kien wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE. Dan hu possibbli bis-saħħa tas-suq uniku. Lil hinn mill-fruntieri tagħha, l-UE hi impenjata wkoll li tilliberalizza l-kummerċ dinji.

Negozju

L-UE żgurat li int tkun protett kontra l-iżvantaġġi ewlenin tal-globalizzazzjoni permezz tal-appoġġ tal-UE għan-negozji ż-żgħar u b’regoli biex tiżgura li l-kumpaniji l-kbar iħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxa. L-UE tista’ tgħin ukoll jekk tkun ġejt trattat b’mod inġust bħala sid ta’ negozju.

Programmi tal-UE ta’ suċċess bħall-Erasmus+ jistgħu jgħinuk tikseb taħriġ biex tagħmel l-aħjar użu mill-karriera tiegħek.

Kummerċ

L-UE kisbet pożizzjoni b’saħħitha billi aġixxiet flimkien b’vuċi waħda fix-xena globali, aktar milli bi strateġiji kummerċjali separati.

L-UE tinsab f’pożizzjoni ewlenija f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ globali. Il-ftuħ tar-reġim kummerċjali tagħna fisser li l-UE hija l-akbar attur fix-xena kummerċjali globali u tibqa’ sieħeb affidabbli biex isir in-negozju magħha.

Dan il-ftehim, iffirmat fl-2018, jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji tal-UE biex jesportaw aktar lejn Singapore, jgħin biex jipproteġi d-drittijiet tan-nies fuq il-post tax-xogħol u l-ambjent u jiftaħ is-swieq ta’ Singapore għall-kumpaniji tal-UE għal servizzi u kuntratti tal-gvern.

Il-kwalità tal-ikel u l-istandards ambjentali

Minħabba li l-pajjiżi tal-UE jikkooperaw tant mill-qrib, l-ikel tagħna u l-ambjent tagħna jissodisfaw uħud mill-ogħla standards ta’ kwalità fid-dinja.

Ikel

Il-protezzjoni tas-saħħa hija l-għan tal-liġijiet u tal-istandards kollha tal-UE fis-setturi tal-biedja u tal-ikel. Korp estensiv ta’ liġijiet mal-UE kollha jkopri l-katina sħiħa tal-produzzjoni tal-ikel u tal-ipproċessar fi ħdan l-UE, kif ukoll l-oġġetti importati u esportati.

Ambjent

L-UE żviluppat uħud mill-aktar standards ambjentali stretti fid-dinja. Il-politika tal-UE tfittex li timminimizza r-riskji għall-klima, is-saħħa u l-bijodiversità.

Enerġija rinnovabbli/tranżizzjoni tal-enerġija (Direttiva dwar l-Enerġija tal-2018)

Diplomazija internazzjonali u żvilupp

Il-pajjiżi tal-UE li jaġixxu flimkien għandhom ħafna aktar vuċi fix-xena dinjija minn 27 nazzjon ta’ daqsijiet differenti li jaġixxu separatament. Meħudin flimkien, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali huma d-donatur ewlieni fid-dinja tal-assistenza għall-iżvilupp u jaħdmu b’mod kollettiv biex jippromwovu l-governanza tajba, jiġġieldu l-ġuħ u jippreservaw ir-riżorsi naturali.

Diplomazija u sigurtà

Permezz ta' appoġġ politiku, prattiku u ekonomiku, l-UE kellha rwol kruċjali fil-bini tal-paċi fil-Balkani tal-Punent mill-gwerer Jugoslavi 'l hawn. Eżempju wieħed huwa d-djalogu ffaċilitat mill-UE bejn is-Serbja u l-Kosovo, li wassal għal ftehim storiku f’April 2013 li qed jiġi implimentat bħalissa, bl-appoġġ tal-UE.

Drittijiet tal-bniedem

L-UE żviluppat linji gwida għall-politika tad-drittijiet tal-bniedem li jkopru oqsma bħall-piena tal-mewt, it-tortura u l-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline. L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) jipprovdi appoġġ biex jittejjeb ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f’pajjiżi u reġjuni fejn huma l-aktar f’riskju.

Għajnuna umanitarja

L-UE tipprovdi assistenza lill-pajjiżi u l-popolazzjonijiet, kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra mill-pajjiż, meta jseħħu diżastri kbar jew emerġenzi umanitarji. Kollettivament, l-UE u l-pajjiżi li jiffurmawha huma l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja fid-dinja. Kull sena, l-UE tipprovdi ikel, kenn, protezzjoni, kura tas-saħħa u ilma nadif lil aktar minn 120 miljun vittma ta’ diżastri u kunflitti f’aktar minn 80 pajjiż.

Għajnuna, żvilupp u diplomazija fl-azzjoni

L-UE tikkoopera mal-gvernijiet f’150 pajjiż sieħeb mad-dinja li qed tiżviluppa kollha, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Pereżempju, fil-Haiti l-UE tipprovdi għadd ta’ forom differenti ta’ għajnuna u assistenza għall-iżvilupp, biex tgħin lill-pajjiż jiżviluppa r-reżiljenza, isolvi d-dgħufijiet strutturali u jġib solliev fuq perjodu qasir lil dawk l-aktar vulnerabbli. Mill-1994 'l hawn, l-UE pprovdiet lill-Haiti b’€419-il miljun f’għajnuna biex:

  • jagħtu aċċess għal servizzi tas-saħħa li jsalvaw il-ħajja
  • iqassmu kenn ta’ emerġenza fil-kampijiet u fil-familji ospitanti
  • jagħtu aċċess għal faċilitajiet tal-ilma u tas-sanità
  • iqassmu l-ikel
  • jipprevjenu żieda fil-malnutrizzjoni, tifqigħat ta’ epidemiji u inkwiet ċivili potenzjali
  • inaqqsu l-vulnerabbiltà fil-kampijiet
  • jistabbilixxu sistemi ta’ twissija bikrija u jsaħħu x-xelters u l-infrastruttura kontra uragani rikorrenti, għargħar, u perikli naturali oħra.

Għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fil-Haiti