Ħarsa ġenerali
- Rwol: Tikkontrolla li l-fondi tal-UE jinġabru u jintużaw kif għandu jkun, u tgħin biex ittejjeb l-immaniġġjar finanzjarju tal-UE.
- President: Tony Murphy
- Membri: 1 minn kull pajjiż tal-UE
- Stabbilita fi: 1977
- Post: il-Lussemburgu
- Sit web: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Bħala l-awditur estern indipendenti tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tħares l-interessi ta' dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE. M’għandhiex setgħat legali, iżda taħdem biex ittejjeb l-immaniġġjar mill-Kummissjoni Ewropea tal-baġit tal-UE u tirrapporta dwar il-finanzi tal-UE.
X’tagħmel il-QEA?
- tawditja d-dħul u l-infiq tal-UE, biex tara li l-fondi tal-UE jinġabru u jintefqu kif suppost, jiksbu valur għall-flus u jkunu ġustifikati
- tikkontrolla kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tittratta mal-fondi tal-UE – inklużi verifiki għall-għarrieda fl-istituzzjonijiet tal-UE (speċjalment fil-Kummissjoni), fil-pajjiżi tal-UE u fil-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna mill-UE
- tikteb is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet f'rapporti tal-awditjar, għall-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet nazzjonali
- tirrapporta suspetti ta' frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
- tipproduċi rapport annwali għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE, li l-Parlament jeżamina qabel ma jiddeċiedi jekk japprovax il-mod kif il-Kummissjoni qed tmexxi l-baġit tal-UE
- tagħti l-opinjoni esperta tagħha lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE dwar kif il-finanzi tal-UE jistgħu jiġu mmaniġġjati aħjar u jkunu iktar responsabbli lejn iċ-ċittadini
Hi tippubblika wkoll opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni preparatorja li tħalli impatt fuq l-immaniġġjar finanzjarju tal-UE, kif ukoll dokumenti ta’ pożizzjoni, eżamijiet u pubblikazzjonijiet ad hoc dwar kwistjonijiet ta’ finanzi pubbliċi tal-UE.
Biex tkun effettiva, il-Qorti għandha tkun indipendenti mill-istituzzjonijiet u l-korpi li tawditja. Għal dan l-għan, hija libera li tiddeċiedi dwar:
- x’inhu li se tawditja
- kif se tagħmel dan
- kif u meta se tippreżenta s-sejbiet tagħha
Ix-xogħol ta' awditjar tal-Qorti jiffoka prinċipalment fuq il-Kummissjoni Ewropea – il-korp ewlieni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Iżda taħdem ukoll mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, minħabba li l-Kummissjoni timmaniġġja l-biċċa l-kbira tal-fondi tal-UE (madwar 80%) b’mod konġunt magħhom.
Kompożizzjoni
Il-membri tal-Qorti jinħatru mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament, għal terminu ta' 6 snin li jista' jiġġedded. Huma jagħżlu wieħed minn fosthom bħala President għal terminu ta’ 3 snin (li wkoll jista’ jiġġedded).
Kif taħdem il-QEA?
Hija twettaq 3 tipi ta’ awditi:
- Awditi finanzjarji – tivverifika li l-kontijiet jippreżentaw b'mod preċiż il-pożizzjoni finanzjarja preżenti, ir-riżultati u l-fluss tal-flus għas-sena.
- Awditi ta' konformità – tivverifika li t-tranżazzjonijiet finanzjarji jsegwu r-regoli.
- Awditi ta' prestazzjoni – tivverifika li l-fondi tal-UE jilħqu l-għan tagħhom bl-inqas riżorsi possibbli u bl-iktar mod ekonomiku.
Il-Qorti hija maqsuma fi gruppi ta' awditi msejħa “kmamar”. Dawn iħejju rapporti u opinjonijiet għall-membri tal-Qorti biex jadottawhom, u b'hekk isiru uffiċjali.
Il-QEA u int
Il-Qorti toffri traineeships.
Il-Qorti torganizza premju akkademiku għar-riċerka fis-settur pubbliku għal riċerka dwar l-awditjar fis-servizz pubbliku kull sentejn u tista' tapplika.
Aċċess għad-dokumenti
Kalendarju tal-laqgħat tal-QEA
Aktar Informazzjoni
Il-Qorti tal-Awdituri – governanza
L-ipprogrammar finanzjarju u l-baġit tal-UE
Kuntatt
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA)
- Isem
- Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA)
- Sit web
- https://www.eca.europa.eu/mt
- Numru tat-telefown
- +352 4398 1
- Numru tal-faks
- +352 4393 42
- Indirizz postali
- 12, rue Alcide De Gasperi, 1615 Luxembourg, Luxembourg
- Media soċjali