Ħarsa ġenerali
Belt kapitali: Dublin
Lingwi uffiċjali tal-UE: l-Irlandiż, l-Ingliż
Stat Membru tal-UE: mill-1 ta’ Jannar 1973
Munita: Euro (€)
Żona tal-Euro: membru mill-1 ta’ Jannar 1999
Schengen: L-Irlanda nnegozjat klawsola ta’ nonparteċipazzjoni miż-żona Schengen
Ċifri:
- Daqs ġeografiku: 69,947 km2
- Popolazzjoni: 5,343,805 (2024)
(Sors: Eurostat - ċifri għad-daqs ġeografiku u l-popolazzjoni)

Sistema politika
L-Irlanda hija repubblika parlamentari li tikkonsisti minn 26 kontea. Il-prim ministru (Taoiseach) li huwa l-kap tal-gvern, jinħatar mill-president wara n-nomina mill-Kamra Inferjuri (Dail) u jeżerċita setgħat eżekuttivi. Il-president li hu l-kap ta’ stat fil-maġġor parti għandu dmirijiet ċerimonjali.
Il-Parlament għandu 2 ikmamar (Kamra Superjuri u Inferjuri).
Kummerċ u ekonomija
L-Irlanda tinsab fit-tieni post fl-Unjoni Ewropea f’termini ta’ PDG per capita b’€79,300, ferm ogħla mill-medja tal-UE (€37,600). Dan jammonta għal 3% tal-PDG totali tal-UE.
(Sors: Eurostat - ċifri għall-PDG per capita u l-PDG)
(Sors: Eurostat - ċifri għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet)
Hemm 14-il rappreżentant mill-Irlanda fil-Parlament Ewropew. Skopri min huma dawn il-Membri tal-Parlament Ewropew u segwi l-attivitajiet tal-uffiċċju tal-Parlament Ewropew fl-Irlanda.
Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Rappreżentanti mill-Gvern Irlandiż jattendu l-laqgħat tal-Kunsill li jiffukaw fuq il-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom diversi drabi fis-sena.
Il-Kunsill tal-UE m’għandux president permanenti b’persuna waħda (bħall-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li tinbidel kull 6 xhur.
Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu biex jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill fl-oqsma ta’ politika differenti, u jiffaċilitaw id-djalogu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE.
Dati tal-Presidenzi Irlandiżi:
Jannar-Ġunju 1975 | Lulju-Diċembru 1979 | Lulju-Diċembru 1984 | Jannar-Ġunju 1990 | Lulju-Diċembru 1996 | Jannar-Ġunju 2004 | Jannar-Ġunju 2013 | Lulju-Diċembru 2026
Il-Kummissarju Ewropew innominat mill-Irlanda huwa Michael McGrath li huwa responsabbli għad-demokrazija, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Il-Kummissjoni hi rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”. Skopri aktar dwar ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Irlanda.
L-Irlanda għandha 9 rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħrajn ta’ interess – hu kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi differenti.
L-Irlanda għandha 9 rappreżentanti fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.
L-Irlanda tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tal-Irlanda, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż jinstemgħu u jiġu segwiti kemm jista’ jkun fl-UE.
Baġits u finanzjament
L-Irlanda kif se tibbenefika mill-baġit tal-UE?
Il-baġit tal-UE hu l-għodda li tiżgura li l-Ewropa tibqa’ forza demokratika, paċifika, prospera u kompetittiva. L-UE tużah biex tiffinanzja l-prijoritajiet tagħha u proġetti kbar li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi individwali tal-UE ma setgħux jiffinanzjaw waħedhom.
Il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE jaqbżu b’mod sinifikanti d-daqs tal-kontribuzzjonijiet tal-baġit tal-UE u l-eżempji huma ħafna. L-Istati Membri kollha jibbenefikaw mill-fatt li huma parti mis-Suq Uniku, approċċ ixxerjat għall-isfidi komuni tal-migrazzjoni, it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima, u kisbiet konkreti bħal infrastruttura tat-trasport aħjar, servizzi pubbliċi modernizzati u diġitalizzati u trattament mediku mill-aktar avvanzat.
Kemm kull pajjiż tal-UE jħallas fil-baġit tal-UE jiġi kkalkulat b’mod ġust. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa.
Il-baġit tal-UE mhux dwar l-għoti u t-teħid – hu dwar il-kontribut kollettiv biex l-Ewropa u d-dinja jsiru post aħjar għalina lkoll.
Infiq u dħul tal-baġit tal-UE għal kull pajjiż u għal kull sena
Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fl-Irlanda
Il-flus mill-baġit tal-UE jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – pereżempju, biex jinbnew it-toroq, jiġu ssussidjati r-riċerkaturi u jitħares l-ambjent.
Skopri aktar dwar kif l-Irlanda tibbenefika mill-finanzjament tal-UE u mill-fondi ta’ rkupru f’pajjiżek jew fir-reġjun tiegħek.