Ħarsa ġenerali
Belt kapitali: Praga
Lingwa/i uffiċjali tal-UE: Iċ-Ċek
Pajjiż membru tal-UE: mill-1 ta’ Mejju 2004
Munita: Il-krona Ċeka (CZK). Iċ-Ċekja bħalissa qed tipprepara biex tadotta l-euro.
Schengen: Membru taż-żona Schengen mill-21 ta’ Diċembru 2007
Ċifri: Daqs ġeografiku - popolazzjoni - prodott domestiku gross (PDG) per capita skont l-istandards tal-poter tal-akkwist
Is-sistema politika
Iċ-Ċekja hija repubblika parlamentari b’kap tal-gvern - il-prim ministru - u kap tal-istat - il-president. Il-pajjiż ġe ffurmat fl-1993 wara li ċ-Ċekoslovakkja nqasmet fir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Il-pajjiż issa huwa maqsum f’14-il reġjun, inkluża l-belt kapitali, Praga.
Il-kummerċ u l-ekonomija
L-aktar setturi importanti tal-ekonomija taċ-Ċekja fl-2020 kienu l-industrija (28.1%), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (17.5%), l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (16.8%).
Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 80% tal-esportazzjonijiet taċ-Ċekja (il-Ġermanja 33%, is-Slovakkja 8% u l-Polonja 7%), filwaqt li barra mill-UE 2% jmorru fl-Istati Uniti.
F’termini ta’ importazzjonijiet, 73% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 28%, il-Polonja 9% u n-Netherlands 7%), filwaqt li barra mill-UE 11% jiġu miċ-Ċina u 2% mill-Istati Uniti u mir-Russja.
Iċ-Ċekja fl-UE
Il-Parlament Ewropew
Hemm 21 membru tal-Parlament Ewropew miċ-Ċekja. Skopri min huma dawn il-MPE.
L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fiċ-Ċekja
Il-Kunsill tal-UE
Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom b’mod regolari rappreżentanti mill-gvern taċ-Ċekja, skont il-qasam ta' politika li jkun qed jiġi indirizzat.
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE
Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull 6 xhur.
Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.
Dati tal-presidenzi taċ-Ċekja:
Jan-Ġun 2009 | Lulju-Diċembru 2022
Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE
Il-Presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissarju nominat miċ-Ċekja għall-Kummissjoni Ewropea hi Vĕra Jourová, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza.
Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.
Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fiċ-Ċekja
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Iċ-Ċekja għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Iċ-Ċekja għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.
Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE
Iċ-Ċekja tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” taċ-Ċekja, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.
Il-Baġits u l-Finanzjament
Kemm tħallas u tirċievi ċ-Ċekja?
L-ammont li jħallas kull pajjiż tal-UE fil-baġit tal-UE huwa kkalkulat b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa.
L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej b’mod ġenerali.
Ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:
Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fiċ-Ċekja
Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE miċ-Ċekja jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.
Skopri aktar dwar kif iċ-Ċekja tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.