Għaliex għandna jkollna munita komuni
Li jkun hemm unjoni ekonomika u monetarja (UEM) kienet ambizzjoni kontinwa tal-Unjoni Ewropea minn tmiem is-snin 60 ’il quddiem. Il-ħolqien ta’ UEM jinvolvi l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali, politika monetarja komuni, kif ukoll munita komuni, l-euro. Munita unika toffri bosta vantaġġi billi
- ikun aktar faċli għall-kumpaniji biex jinnegozjaw lil hinn mill-fruntiera ta’ pajjiżhom
- iċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw barra minn pajjiżhom b’mod aktar faċli
- il-prezzijiet jinżammu stabbli.
Madankollu, kien hemm sensiela ta’ ostakli politiċi u ekonomiċi li mbarraw din it-triq: impenn politiku dgħajjef, diverġenzi dwar il-prijoritajiet ekonomiċi, u turbulenza fis-swieq internazzjonali. Dawn kollha kellhom sehem biex inaqqsu r-ritmu tal-progress lejn l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
It-triq lejn l-euro
L-istabbiltà tal-muniti internazzjonali li rrenjat fil-perjodu immedjatament wara l-gwerra ma damitx. It-taqlib fis-swieq tal-muniti internazzjonali hedded is-sistema komuni tal-prezzijiet tal-politika agrikola komuni, pilastru prinċipali ta’ dik li dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea. Tentattivi li saru iktar tard biex jinkisbu rati tal-kambju stabbli ntlaqtu minn kriżijiet taż-żejt u xokkijiet oħra sakemm, fl-1979, tnediet is-Sistema Monetarja Ewropea (EMS).
L-EMS kienet mibnija fuq sistema ta’ rati tal-kambju użati biex iżommu l-valur tal-muniti parteċipanti fi ħdan faxxa dejqa. Dan l-approċċ kompletament ġdid wassal għal koordinazzjoni bla preċedent tal-politiki monetarji bejn il-pajjiżi tal-UE, u ħadem b’suċċess għal aktar minn għaxar snin.
Minn Maastricht sal-euro u ż-żona tal-euro

Taħt Jacques Delors, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien, il-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-pajjiżi tal-UE pproduċew ir-“Rapport Delors” fl-1989 dwar kif tista’ tinkiseb l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Huma pproponew perjodu preparatorju fi tliet stadji, li jkopri l-perjodu mill-1990 sal-1999. Il-mexxejja Ewropej aċċettaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
F'Diċembru 1991 il-Kunsill Ewropew leħaq qbil dwar it-Trattat il-ġdiddwar l-Unjoni Ewropea, magħruf ukoll bħala t-Trattat ta’ Maastricht, li kien fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tiġi implimentata l-unjoni monetarja.
Wara deċennju ta’ tħejjijiet, l-euro tnieda fl-1 ta’ Jannar 1999. Għall-ewwel tliet snin kien munita “inviżibbli”, użata biss għal skopijiet ta’ kontabilità u pagamenti elettroniċi. Il-munitiul-karti tal-flusdaħlu fiċ-ċirkolazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2002fi 12-il pajjiż tal-UE li kienet l-akbar trasformazzjoni tal-munita fl-istorja.
Aktar minn 350 miljun Ewropew f’21 pajjiż tal-UE issa jużaw il-munita unika kuljum, li jagħmilha simbolu tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea. Hemm aktar pajjiżi qed iħejju biex jadottawha fil-futur.