L-euro huwa l-aktar simbolu tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea: madwar 341 miljun ruħ jużawh kuljum, u dan jagħmlu t-tieni munita l-aktar użata fid-dinja kollha. Il-benefiċċji tal-munita komuni huma ovvji b’mod immedjat għal kull min jivvjaġġa jew jixtri online fuq siti web ibbażati f'pajjiż ieħor tal-UE.
Pajjiżi membri li jużaw l-euro
Bħalissa, l-euro (€) huwa l-munita uffiċjali ta’ 20 minn 27 pajjiż membru tal-UE li flimkien jikkostitwixxu dik li uffiċjalment hi magħrufa bħala ż-żona tal-euro.
Għalkemm il-pajjiżi kollha tal-UE huma parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), 20 minnhom biddlu l-muniti nazzjonali tagħhom b’munita unika – l-euro. Dawn il-pajjiżi tal-UE jiffurmaw iż-żona tal-euro, magħrufa wkoll bħala ż-żona euro.
Dawn huma l-pajjiżi fejn l-euro għadu ma ġiex adottat, iżda li se jissieħbu ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Fil-biċċa l-kbira, dawn huma pajjiżi ta’ stati membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004, l-2007 u l-2013, wara li ġie varat l-euro fl-2002.
Okkażjonalment, l-istati membri jistgħu jinnegozjaw esklużjoni fakultattiva (opt-out) minn kwalunkwe leġiżlazzjoni jew trattat tal-Unjoni Ewropea, u jaqblu li ma jipparteċipawx f’ċerti oqsma ta’ politika. Fir-rigward tal-munita unika, dan huwa l-każ għad-Danimarka. Hija żammet il-munita l-antika tagħha wara li saret membru tal-UE.
Kif jissieħbu l-pajjiżi
Sabiex jingħaqdu fiż-żona tal-euro, l-istati membri tal-UE huma meħtieġa jissodisfaw l-hekk imsejħa “kriterji ta’ konverġenza”.
Dawn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali li jorbtu kien hemm qbil dwarhom fit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992 u huma magħrufa wkoll bħala l-“kriterji ta’ Maastricht”. L-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief id-Danimarka, huma obbligati li jadottaw l-euro u jissieħbu fiż-żona tal-euro, meta jkunu lesti biex iwettquhom.
It-Trattat ma jispeċifikax skeda ta’ żmien partikolari biex pajjiż jingħaqad maż-żona tal-euro, iżda jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom biex jissodisfaw il-kundizzjoni għall-adozzjoni tal-euro.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew flimkien jiddeċiedu jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet biex il-pajjiżi kandidati għaż-żona tal-euro jadottaw l-euro. Wara li jivvalutaw il-progress magħmul fir-rigward tal-kriterji ta’ konverġenza, iż-żewġ korpi jippubblikaw il-konklużjonijiet fir-rapporti rispettivi tagħhom. Dawn huma mbagħad ratifikati mill-Kunsill ECOFIN f’konsultazzjoni mal-Parlament u l-Kapijiet ta’ Stat. Jekk favorevoli, jista’ jibda l-proċess tal-adozzjoni.