Ħarsa ġenerali
Belt kapitali: Berlin
Lingwa uffiċjali tal-UE: il-Ġermaniż
Stat Membru tal-UE: mill-1 ta’ Jannar 1958
Munita: l-euro (€) Membru taż-żona tal-euro mill-1 ta’ Jannar 1999
Schengen: membru mis-26 ta’ Marzu 1995
Ċifri:
- Daqs ġeografiku: 357,569 km2
- Popolazzjoni: 83,445,000 (2024)
(Sors: Eurostat - ċifri għad-daqs ġeografiku u l-popolazzjoni)
Sistema politika
Il-Ġermanja hi repubblika parlamentari federali b’kanċillier li hu l-kap tal-gvern, u president li hu l-kap ta’ stat u li r-responsabbiltajiet ewlenin tiegħu huma rappreżentattivi. Il-pajjiż jikkonsisti minn 16-il stat (Länder) li kull wieħed minnhom għandu l-kostituzzjoni tiegħu stess u hu fil-biċċa l-kbira awtonomu fir-rigward tal-organizzazzjoni interna tiegħu. Tlieta minnhom huma reġjuni-bliet: Bremen, Berlin u Hamburg.
Kummerċ u ekonomija
Il-Ġermanja tinsab fis-seba’ post fl-Unjoni Ewropea f’termini ta’ PDG per capita b’€43,400, ferm ogħla mill-medja tal-UE (€37,600). Dan jammonta għal 24.2% tal-PDG totali tal-UE.
(Sors: Eurostat - ċifri għall-PDG per capita u l-PDG)
(Sors: Eurostat - ċifri għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet)
Hemm 96 rappreżentant mill-Ġermanja fil-Parlament Ewropew. Skopri min huma dawn il-Membri tal-Parlament Ewropew u segwi l-attivitajiet tal-uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Ġermanja.
Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Rappreżentanti mill-Gvern Ġermaniż jattendu l-laqgħat tal-Kunsill li jiffukaw fuq il-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom diversi drabi fis-sena.
Il-Kunsill tal-UE m’għandux president permanenti b’persuna waħda (bħall-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull 6 xhur.
Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu biex jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill fl-oqsma ta’ politika differenti, u jiffaċilitaw id-djalogu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE.
Dati tal-presidenzi Ġermaniżi:
Lul-Diċ 1958 | Lul-Diċ 1961 | Lul-Diċ 1964 | Lul-Diċ 1967 | Lul-Diċ 1970 | Jan-Ġun 1974 | Lul-Diċ 1978 | Jan-Ġun 1983 | Jan-Ġun 1988 | Lul-Diċ 1994 | Jan-Ġun 2007 | Lul-Diċ 2020
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea hi Ursula von der Leyen, mill-Ġermanja. Il-Kummissjoni hi rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”. Skopri aktar dwar ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fil-Ġermanja.
Il-Ġermanja għandha 24 rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħrajn ta’ interess – hu kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi differenti.
Il-Ġermanja għandha 24 rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.
Il-Ġermanja tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tal-Ġermanja, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż jinstemgħu u jiġu segwiti kemm jista’ jkun fl-UE.
Baġits u finanzjament
Kemm tħallas u tirċievi l-Ġermanja mill-UE?
Il-baġit tal-UE hu l-għodda li tiżgura li l-Ewropa tibqa’ forza demokratika, paċifika, kompetittiva u ta’ suċċess. L-UE tużah biex tiffinanzja l-prijoritajiet tagħha u proġetti kbar li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi individwali tal-UE ma setgħux jiffinanzjaw waħedhom.
Il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE jaqbżu b’mod sinifikanti d-daqs tal-kontribuzzjonijiet tal-baġit tal-UE u l-eżempji huma ħafna. L-Istati Membri kollha jibbenefikaw mill-fatt li jkunu parti mis-Suq Uniku, approċċ ixxerjat għall-isfidi komuni tal-migrazzjoni, it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima, u kisbiet konkreti bħal infrastruttura tat-trasport aħjar, servizzi pubbliċi modernizzati u diġitalizzati u trattament mediku mill-aktar avvanzat.
Kemm kull pajjiż tal-UE jħallas fil-baġit tal-UE jiġi kkalkulat b’mod ġust. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa.
Il-baġit tal-UE mhux dwar l-għoti u t-teħid – hu dwar il-kontribut kollettiv biex l-Ewropa u d-dinja jsiru post aħjar għalina lkoll.
Infiq u dħul tal-baġit tal-UE għal kull pajjiż u għal kull sena
Proġetti ffinanzjati mill-UE fil-Ġermanja
Il-flus mill-baġit tal-UE jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – pereżempju biex jinbnew it-toroq, jiġu ssussidjati r-riċerkaturi u jitħares l-ambjent.
Skopri aktar dwar kif il-Ġermanja tibbenefika mill-finanzjament tal-UE u mill-fondi ta’ rkupru f’pajjiżek jew fir-reġjun tiegħek.