Mur għall-kontenut ewlieni
European Investment Bank - Logo

Ħarsa ġenerali

  • Rwol: jipprovdi finanzjament għal proġetti li jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE, kemm fi ħdan l-UE u barra minnha
  • President: Nadia Calviño
  • Bord tad-Diretturi: huwa magħmul minn direttur wieħed minn kull pajjiż tal-UE, flimkien ma’ wieħed mill-Kummissjoni Ewropea
  • Imwaqqaf: 1958
  • Lokalità: il-Lussemburgu
  • Sit webBank Ewropew tal-Investiment

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-proprjetà konġunta tal-pajjiżi tal-UE. Għandu l-għan li:

  • jagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa f'termini ta' impjiegi u tkabbir ekonomiku
  • jappoġġja azzjoni biex jittaffa t-tibdil fil-klima
  • jippromwovi politiki tal-UE barra mill-UE.

X'jagħmel il-BEI

Il-Bank jissellef il-flus fuq is-swieq kapitali u jislifhom b'termini vantaġġużi għal proġetti li jappoġġjaw l-objettivi tal-UE. Madwar 90% tas-self isir fl-UE. Dawn il-flus ma jiġux mill-baġit tal-UE.

Il-BEI jipprovdi 3 tipi ewlenin ta' prodotti u servizzi:

  • self – madwar 90% tal-impenn finanzjarju totali tiegħu. Il-Bank jislef lil klijenti ta’ kull daqs li jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u dan l-appoġġ ħafna drabi jgħin biex jiġu attirati investituri oħrajn.
  • “taħlit” - jippermetti lill-klijenti jikkombinaw finanzjament mill-BEI ma' investiment addizzjonali.
  • għoti ta' pariri u assistenza teknika - biex jiġi massimizzat il-valur għall-flus.

Il-BEI jagħti self ta' 'l fuq minn €25 miljun direttament. Meta jkun involut self iżgħar, jiftaħ linji ta' kreditu għal istituzzjonijiet finanzjarji mbagħad dawn isellfu l-fondi lill-kredituri.

Kompożizzjoni

Il-pajjiżi kollha tal-UE huma azzjonisti fil-BEI. Id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-entitajiet li ġejjin.

  • il-Bord tal-Gvernaturi, li jikkonsisti fil-ministri (l-aktar il-ministri tal-finanzi) mill-pajjiżi kollha tal-UE. Huwa jiddefinixxi l-politika ġenerali dwar is-self.
  • il-Bord tad-Diretturi, ippresedut mill-President tal-BEI, li fih 28 membru maħtur mill-pajjiżi tal-UE u wieħed maħtur mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa japprova operazzjonijiet ta' self u ta' tislif.
  • il-Kumitat ta' Tmexxija, il-fergħa eżekuttiva tal-Bank, li jittratta max-xogħol ta' kuljum.

Il-Kumitat tal-Awditjar jiċċekkja li l-operazzjonijiet tal-BEI jitmexxew tajjeb.

Id-dipartimenti tal-Bank jimplementaw id-deċiżjonijiet tal-management.

Kif jaħdem il-BEI?

Huwa jiddeċiedi dwar is-self u t-tislif, abbażi tal-merti ta’ kull proġett u l-opportunitajiet offruti mis-swieq finanzjarji. Fl-UE, għandu prijoritajiet speċifiċi ta' tislifBarra l-UE, jappoġġja l-politiki ta' żvilupp u kooperazzjoni tal-UE.

Bħala korp indipendenti, il-Bank jiddeċiedi hu stess dwar is-self u t-tislif. Huwa jikkoopera ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, speċjalment mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Ministri.

Int u l-BEI

Jekk tmexxi negozju jew taħdem fis-settur pubbliku u għandek proġett li jista' jikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE, tista’ tkun eliġibbli għal self mill-BEI. Biex tapplika, ikkuntattja lill-BEI bl-infoatbei [dot] org (subject: EIB%20info) (email), b'formola fuq l-internet jew permezz tal-uffiċċji tiegħu, billi tipprovdi biżżejjed informazzjoni biex il-Bank jiddetermina jekk il-proġett jilħaqx l-objettivi ta' tislif tiegħu u jekk għandekx pjan tan-negozju żviluppat tajjeb.

 

European Investment Fund - Logo

 

Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)

Il-BEI huwa l-azzjonist ewlieni tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li jipprovdi finanzjament lil impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) permezz ta' strumenti ta' kapital ta' riskju u finanzjament ta' riskju. Azzjonisti oħrajn huma l-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet finanzjarji mill-Ewropa kollha. Stabbilit fl-1994, il-Fond huwa attiv fil-pajjiżi kollha tal-UE, il-pajjiżi membri prospettivi, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Il-prodotti tal-FEI jinkludu:

- kapital ta' riskju u mikrofinanzjament għall-SMEs, partikolarment kumpaniji ġodda u innovattivi
- garanziji għal istituzzjonijiet finanzjarji, biex ikopru s-self lill-SMEs
għajnuna għall-pajjiżi tal-UE u dawk fil-proċess li jingħaqdu fl-UE biex jiżviluppaw is-swieq tal-kapital ta' riskju tagħhom

Jekk int imprenditur li qed tfittex finanzjament, ikkuntattja lill-intermedjarji tal-FEI f'pajjiżek biex tara intix eliġibbli għal prodotti ta' ekwità u dejn tal-FEI.

Aktar informazzjoni

Min hu min fil-BEI

Min hu min fil-FEI

Pubblikazzjonijiet tal-BEI

Aħbarijiet u pubblikazzjonijiet tal-FEI

Impjiegi fil-BEI

Impjiegi fil-FEI

Kuntatt

Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Isem
Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
Sit web
https://www.eib.org/en/index.htm
Numru tat-telefown
+352 43 79 1
Numru tal-faks
+352 43 77 04
Indirizz postali
98-100 boulevard Konrad Adenauer, 2950 Il-Lussemburgu, Luxembourg
Media soċjali