Aktar espansjoni
L-ewro issa huwa l-munita l-ġdida għal miljuni ta’ Ewropej. Il-11 ta’ Settembru 2001 isir sinonimu mat-terroriżmu internazzjonali wara li ajruplani maħtufa jittajru għal ġo binjiet f’New York u f’Washington. Il-pajjiżi jibdew jaħdmu ħafna aktar mill-qrib flimkien biex jiġġieldu l-kriminalità. Il-qasma bejn l-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent tisfaxxa meta 10 pajjiżi ġodda jissieħbu fl-UE fl-2004, segwiti mill-Bulgarija u r-Rumanija fl-2007. Il-kriżi finanzjarja tolqot l-ekonomija globali f’Settembru 2008. It-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi istituzzjonijiet moderni u metodi ta’ ħidma aktar effiċjenti.
26 ta’ Frar 2001 – It-Trattat ta’ Nizza
Il-mexxejja tal-UE jiffirmaw it-Trattat ta’ Nizza. Hu għandu l-għan li jirriforma l-istituzzjonijiet sabiex l-UE tkun tista’ tiffunzjona b’mod effiċjenti wara li tilħaq 25 pajjiż membru u tħejji għall-grupp ewlieni li jmiss ta’ membri ġodda li jissieħbu. Dan jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2003.
11 ta’ Settembru 2001 – Attakki terroristiċi fl-Istati Uniti
Ajruplani maħtufa jittajru għal fuq iż-żewġ torrijiet tal-World Trade Center fi New York u fil-bini tal-Pentagon f’Washington. Imutu kważi 3,000 ruħ. Il-pajjiżi tal-UE jingħaqdu b’saħħa spalla ma’ spalla mal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali.
1 ta’ Jannar 2002 – Tnedija tal-karti u l-muniti tal-ewro fi 12-il pajjiż
Il-karti u l-muniti tal-euro jsiru l-munita legali fi 12-il pajjiż tal-UE (il-Greċja ssieħbet fiż-żona tal-ewro fl-2001 u aktar pajjiżi jissieħbu wara l-2002). L-istampar, il-produzzjoni taz-zekka u d-distribuzzjoni tagħhom hija operazzjoni loġistika ewlenija. Il-karti huma l-istess għall-pajjiżi kollha. Il-muniti għandhom naħa waħda standard, filwaqt li l-oħra għandha emblema nazzjonali.
31 ta’ Marzu 2003 – Operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi fil-Balkani
Bħala parti mill-politika estera u ta’ sigurtà tagħha, l-UE twettaq operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi fil-Balkani, l-ewwel fl-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (issa r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq), u mbagħad fil-Bożnija-Ħerzegovina. Fiż-żewġ każijiet, il-forzi mmexxija mill-UE jissostitwixxu l-unitajiet tan-NATO.
1 ta’ Mejju 2004 – 10 pajjiżi ġodda
Ċipru u Malta jissieħbu mal-UE flimkien ma’ 8 pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant — iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja — u b'hekk finalment tintemm id-diviżjoni tal-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
29 ta’ Mejju-1 ta’ Ġunju 2005 – Kostituzzjoni tal-UE
Il-votanti fi Franza u fin-Netherlands jirrifjutaw it-Trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa, li ġie ffirmat mill-25 Stat Membru tal-UE f’Ottubru 2004.
1 ta’ Jannar 2007 – L-UE tilqa’ l-Bulgarija u r-Rumanija
Żewġ pajjiżi oħra mill-Ewropa tal-Lvant - il-Bulgarija u r-Rumanija - jissieħbu fl-UE, u b’hekk l-għadd ta’ Stati Membri jitla' għal 27.
13 ta’ Diċembru 2007 – It-Trattat ta’ Lisbona
Is-27 pajjiż tal-UE jiffirmaw it-Trattat ta’ Lisbona, li jemenda t-trattati ta’ qabel. Dan jitfassal biex jagħmel l-UE aktar demokratika, effiċjenti u trasparenti, u b’hekk tkun kapaċi tindirizza sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli. Il-pajjiżi kollha tal-UE jirratifikaw it-Trattat qabel ma jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.
Settembru 2008 - Il-kriżi ekonomika globali
L-ekonomija dinjija tintlaqat minn kriżi ekonomika serja. Il-problemi jibdew bis-self ipotekarju fl-Istati Uniti. Diversi banek Ewropej ukoll jesperjenzaw diffikultajiet. Il-kriżi twassal għal kooperazzjoni ekonomika eqreb bejn il-pajjiżi tal-UE.