Ħarsa ġenerali
- Rwol: Tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi interpretata u applikata bl-istess mod f’kull pajjiż tal-UE; tiżgura li l-pajjiżi u l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw il-liġi tal-UE.
- Membri:
- Il-Qorti tal-Ġustizzja: imħallef minn kull pajjiż tal-UE, kif ukoll 11-il avukat ġenerali
- Il-Qorti Ġenerali: 2 imħallfin minn kull pajjiż tal-UE
- Stabbilita fi: 1952
- Post: il-Lussemburgu
- Sit web: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tinterpreta l-liġi tal-UE biex tiżgura li tiġi applikata bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE, u tirriżolvi tilwimiet legali bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE.
F'ċerti ċirkostanzi, tista’ tintuża wkoll minn individwi, kumpaniji jew organizzazzjonijiet biex jieħdu azzjoni kontra istituzzjoni tal-UE, jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura.
X’tagħmel il-QĠUE?
Il-QĠUE toħroġ deċiżjonijiet dwar il-każijiet miġjuba quddiemha. L-aktar tipi ta' każijiet komuni huma:
- l-interpretazzjoni tal-liġi (deċiżjonijiet preliminari) – il-qrati nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jiżguraw li l-liġi tal-UE tiġi applikata sew, iżda l-qrati fil-pajjiżi differenti jistgħu jinterpretawha b'mod differenti. Jekk qorti nazzjonali jkollha dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ liġi tal-UE, din tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika. L-istess mekkaniżmu jista’ jintuża biex jiġi determinat jekk liġi jew prattika nazzjonali hix kompatibbli mal-liġi tal-UE.
- l-infurzar tal-liġi (proċedimenti ta' ksur) – dan it-tip ta' każ jittieħed kontra gvern nazzjonali għan-nuqqas ta' konformità ma' liġi tal-UE. Jista' jinbeda mill-Kummissjoni Ewropea jew minn pajjiż ieħor tal-UE. Jekk il-pajjiż jinstab li kien fi ksur, irid jirrimedja l-affarijiet minnufih, jew jirriskja li jitressaq it-tieni każ kontrih, li jista’ jirriżulta f’multa.
- l-annullament tal-atti legali tal-UE (azzjonijiet għal annullament) – jekk att tal-UE jitqies li jikser it-trattati tal-UE jew id-drittijiet fundamentali, il-Qorti tista' tintalab biex tannullah – minn gvern tal-UE, il-Kunsill tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea jew (f'xi każijiet) il-Parlament Ewropew.
Individwi privati jistgħu wkoll jitolbu lill-Qorti biex tannulla att tal-UE li jikkonċernahom direttament. - l-iżgurar li l-UE tieħu azzjoni (azzjonijiet għal nuqqas ta' aġir) – il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu ċerti deċiżjonijiet taħt ċerti ċirkostanzi. Jekk ma jagħmlux dan, il-gvernijiet tal-UE, istituzzjonijiet oħra tal-UE jew (taħt ċerti kundizzjonijiet) individwi jew kumpaniji jistgħu jressqu lment quddiem il-Qorti.
- is-sanzjonar tal-istituzzjonijiet tal-UE (azzjonijiet għal danni) – kwalunkwe persuna jew kumpanija li tkun sofriet ħsara minħabba xi azzjoni li saret jew li ma saritx mill-UE jew l-istaff tagħha, tista’ tieħu azzjoni kontrihom quddiem il-Qorti.
Kompożizzjoni
Il-QĠUE hija maqsuma f’żewġ qrati:
- Il-Qorti tal-Ġustizzja – tittratta rikjesti għal deċiżjonijiet preliminari mill-qrati nazzjonali, ċerti azzjonijiet għall-annullament u l-appelli.
- Il-Qorti Ġenerali – tittratta azzjonijiet għall-annullament imressqa minn individwi, kumpaniji u, f'xi każijiet, mill-gvernijiet tal-UE. Fil-prattika, dan ifisser li din il-qorti tittratta prinċipalment mal-liġi tal-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat, il-kummerċ, l-agrikoltura, il-marki kummerċjali.
Kull imħallef jew avukat ġenerali jinħatar għal terminu ta' 6 snin li jista' jiġġedded, b’mod konġunt mill-gvernijiet nazzjonali. F'kull Qorti, l-imħallfin jagħżlu President b'terminu ta' 3 snin li jista' jiġġedded.
Kif taħdem il-QĠUE?
Fil-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ jiġi assenjat imħallef wieħed (l-“imħallef relatur”) u avukat ġenerali wieħed. Il-kawżi huma pproċessati f'2 stadji:
- Stadju bil-miktub
- Il-partijiet jagħtu dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja – u l-osservazzjonijiet jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u xi kultant individwi privati.
- Dan kollu huwa miġbur fil-qosor mill-imħallef relatur u mbagħad diskuss fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti, li tiddeċiedi:
- Kemm imħallfin se jittrattaw il-każ? 3, 5 jew 15-il imħallef (il-Qorti kollha), skont l-importanza u l-kumplessità tal-każ. Il-biċċa l-kbira tal-każijiet jiġu ttrattati minn 5 imħallfin, u huwa rari ħafna li l-Qorti kollha tisma’ l-każ.
- Kemm jekk ikun hemm bżonn seduta ta' smigħ (stadju orali) u kemm jekk ikun hemm bżonn opinjoni uffiċjali mill-avukat ġenerali.
- Stadju orali – smigħ pubbliku
- L-avukati miż-żewġ naħat jistgħu jippreżentaw il-każ tagħhom lill-imħallfin u l-avukat ġenerali, li jistgħu jagħmlulhom mistoqsijiet.
- Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li hemm bżonn tal-Opinjoni tal-avukat ġenerali, din tingħata ftit ġimgħat wara s-seduta ta’ smigħ.
- L-imħallfin imbagħad jiddeliberaw u jagħtu s-sentenza tagħhom.
- Il-proċedura tal-Qorti Ġenerali hija simili, ħlief li l-biċċa l-kbira tal-każijiet jinstemgħu minn 3 imħallfin u ma jkun hemm l-ebda avukat ġenerali.
Il-QĠUE u int
Jekk inti - bħala individwu privat jew kumpanija - sofrejt ħsara minħabba xi azzjoni li saret jew li ma saritx minn istituzzjoni tal-UE jew l-istaff tagħha, tista' tieħu azzjoni kontrihom quddiem il-Qorti, f'wieħed minn 2 modi:
- indirettament permezz tal-qrati nazzjonali (li jistgħu jiddeċiedu li jirreferu l-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja)
- direttament quddiem il-Qorti Ġenerali – jekk deċiżjoni minn istituzzjoni tal-UE tkun affettwatek b'mod dirett u individwali.
Jekk tħoss li l-awtoritajiet fi kwalunkwe pajjiż ikunu kisru l-liġi tal-UE, għandek timxi mal-proċedura uffiċjali għall-ilmenti.
Aktar dwar id-drittijiet legali tiegħek
Aċċess għad-dokumenti
Kalendarju ġudizzjarju tal-ġurisprudenza tal-QĠUE
Servizz ta’ streaming tal-QĠUE
Aktar Informazzjoni
Kuntatt
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)
- Isem
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)
- Sit web
- https://curia.europa.eu/jcms/jcms/j_6/mt/
- Numru tat-telefown
- +352 4303 1
- Numru tal-faks
- +352 4303 2600
- Indirizz postali
Palais de la Cour de Justice Boulevard Konrad Adenauer
2925 Luxembourg
Luxembourg- Media soċjali