Mur għall-kontenut ewlieni

Pajjiżi li jużaw l-ewro

L-ewro huwa l-aktar prova tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea: madwar 341 miljun ruħ jużaw din il-munita kuljum, u dan jagħmilha t-tieni munita l-aktar użata fid-dinja. Kull min jivvjaġġa jew jixtri online minn fuq siti web ibbażati f’pajjiż ieħor tal-UE mill-ewwel jinduna bil-benefiċċji tal-munita komuni.

Pajjiżi membri li jużaw l-ewro

Bħalissa, l-ewro (€) huwa l-munita uffiċjali ta’ 20 minn 27 pajjiż membru tal-UE li flimkien jiffurmaw dik li hi uffiċjalment magħrufa bħala ż-żona tal-ewro.

Kif jissieħbu l-pajjiżi

Sabiex jissieħbu fiż-żona tal-ewro, l-Istati Membri tal-UE huma meħtieġa jissodisfaw l-hekk imsejħa “kriterji ta’ konverġenza”.

Dawn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali, li għandhom jiġu ssodisfati, ġew stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992 u huma magħrufa wkoll bħala l-“kriterji ta’ Maastricht”. L-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief id-Danimarka, huma meħtieġa jadottaw l-ewro u jissieħbu fiż-żona tal-ewro, meta jkunu lesti biex jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

It-Trattat ma jispeċifikax skeda ta’ żmien partikolari biex pajjiż jissieħeb fiż-żona tal-ewro, iżda jħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-ewro.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew flimkien jiddeċiedu jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet biex il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-ewro jadottaw l-ewro. Wara li jivvalutaw il-progress li jkun sar fir-rigward tal-kriterji ta’ konverġenza, iż-żewġ korpi jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom f’rapporti rispettivi. Imbagħad dawn jiġu ratifikati mill-Kunsill ECOFIN f’konsultazzjoni mal-Parlament u mal-Kapijiet ta’ Stat. Jekk favorevoli, jista’ jibda l-proċess tal-adozzjoni.