Ħarsa ġenerali
- L-irwol: Tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi interpretata u applikata bl-istess mod f’kull pajjiż tal-UE; tiżgura li l-pajjiżi u l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw il-liġi tal-UE.
- Il-membri:
- Il-Qorti tal-Ġustizzja: imħallef wieħed minn kull pajjiż tal-UE, kif ukoll 11-il avukat ġenerali
- Il-Qorti Ġenerali: 2 imħallfin minn kull pajjiż tal-UE
- Is-sena meta twaqqfet: 1952
- Is-sede: Il-Lussemburgu
- Il-website: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tinterpreta l-liġi tal-UE biex tiżgura li tiġi applikata bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE, u tirriżolvi tilwimiet legali bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE.
F'ċerti ċirkostanzi, tista’ tintuża wkoll minn individwi, kumpaniji, jew organizzazzjonijiet biex jieħdu azzjoni kontra istituzzjoni tal-UE, jekk iħossu li b’xi mod tkun kisritilhom drittijiethom.
X’tagħmel il-QĠUE?
Il-QĠUE toħroġ deċiżjonijiet dwar il-każijiet miġjubin quddiemha. L-aktar tipi ta' każijiet komuni huma:
- l-interpretazzjoni tal-liġi (deċiżjonijiet preliminari) – il-qrati nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jiżguraw li l-liġi tal-UE tiġi applikata sew, iżda l-qrati fil-pajjiżi differenti jistgħu jinterpretawha b'mod differenti. Jekk qorti nazzjonali jkollha dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ liġi tal-UE, din tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika. L-istess mekkaniżmu jista’ jintuża biex jiġi determinat jekk liġi jew prattika nazzjonali hix kompatibbli mal-liġi tal-UE.
- l-infurzar tal-liġi (proċedimenti ta' ksur) – dan it-tip ta' każ jittieħed kontra gvern nazzjonali għan-nuqqas ta' konformità ma' liġi tal-UE. Jista' jinbeda mill-Kummissjoni Ewropea jew minn pajjiż ieħor tal-UE. Jekk il-pajjiż jinstab li kien fi ksur, irid jirrimedja l-affarijiet minnufih, jew jirriskja li titressaq it-tieni kawża kontrih, li tista’ tirriżulta f’multa.
- l-annullament tal-atti legali tal-UE (azzjonijiet għal annullament) – jekk att tal-UE jitqies li jikser it-trattati tal-UE jew id-drittijiet fundamentali, il-Qorti tista' tintalab biex tannullah – minn gvern tal-UE, mill-Kunsill tal-UE, mill-Kummissjoni Ewropea, jew (f'xi każijiet) mill-Parlament Ewropew.
Individwi privati jistgħu wkoll jitolbu lill-Qorti biex tannulla att tal-UE li jikkonċernahom direttament. - l-iżgurar li l-UE tieħu azzjoni (azzjonijiet għal nuqqas ta' aġir) – il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu ċerti deċiżjonijiet taħt ċerti ċirkostanzi. Jekk ma jagħmlux dan, il-gvernijiet tal-UE, istituzzjonijiet oħra tal-UE jew (taħt ċerti kundizzjonijiet) individwi jew kumpaniji jistgħu jressqu lment quddiem il-Qorti.
- is-sanzjonar tal-istituzzjonijiet tal-UE (azzjonijiet għal danni) – kwalunkwe persuna jew kumpanija li tkun sofriet ħsara minħabba xi azzjoni li saret jew li ma saritx mill-UE jew il-persunal tagħha, tista’ tieħu azzjoni kontrihom quddiem il-Qorti.
Il-kompożizzjoni
Il-QĠUE hija maqsuma f’żewġ qrati:
- Il-Qorti tal-Ġustizzja – tittratta rikjesti għal deċiżjonijiet preliminari mill-qrati nazzjonali, ċerti azzjonijiet għall-annullament, u l-appelli.
- Il-Qorti Ġenerali – tittratta azzjonijiet għall-annullament imressqin minn individwi, kumpaniji u, f’xi każijiet, mill-gvernijiet tal-UE. Fil-prattika, dan ifisser li din il-qorti tittratta prinċipalment mal-liġi tal-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat, il-kummerċ, l-agrikoltura, il-marki kummerċjali.
Kull imħallef u avukat ġenerali jinħatar għal mandat ta' 6 snin li jista' jiġġedded, b’mod konġunt mill-gvernijiet nazzjonali. F'kull Qorti, l-imħallfin jagħżlu President b'mandat ta' 3 snin li jista' jiġġedded.
Kif taħdem il-QĠUE?
Fil-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ jiġi assenjat imħallef wieħed (l-“imħallef relatur”) u avukat ġenerali wieħed. Il-kawżi jiġu pproċessati f’2 stadji:
- L-istadju bil-miktub
- Il-partijiet jagħtu dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja – u l-osservazzjonijiet jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali, mill-istituzzjonijiet tal-UE, u xi kultant minn individwi privati.
- Dan kollu huwa miġbur fil-qosor mill-imħallef relatur u mbagħad diskuss fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti, li tiddeċiedi:
- L-għadd ta’ mħallfin li jittrattaw il-kawża: 3, 5, jew 15-il imħallef (il-Qorti kollha), skont l-importanza u l-kumplessità tal-kawża. Il-biċċa l-kbira tal-kawżi jiġu ttrattati minn 5 imħallfin, u huwa rari ħafna li l-Qorti kollha tisma’ l-kawża.
- Kemm jekk ikun hemm bżonn seduta ta' smigħ (stadju orali) u kemm jekk ikun hemm bżonn opinjoni uffiċjali mill-avukat ġenerali.
- L-istadju orali – smigħ pubbliku
- L-avukati miż-żewġ naħat jistgħu jippreżentaw il-każ tagħhom lill-imħallfin u l-avukat ġenerali, li jistgħu jagħmlulhom mistoqsijiet.
- Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li hemm bżonn tal-Opinjoni tal-avukat ġenerali, din tingħata ftit ġimgħat wara s-seduta ta’ smigħ.
- Imbagħad l-imħallfin jiddeliberaw u jagħtu l-verdett finali.
- Il-proċedura tal-Qorti Ġenerali hija simili, ħlief li l-biċċa l-kbira tal-każijiet jinstemgħu minn 3 imħallfin u ma jkun hemm l-ebda avukat ġenerali.
Il-QĠUE u int
Jekk inti - bħala individwu privat jew kumpanija - sofrejt dannu ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ istituzzjoni tal-UE jew tal-istaff tagħha, tista' tieħu azzjoni kontrihom quddiem il-Qorti, b’wieħed minn 2 modi:
- indirettament permezz tal-qrati nazzjonali (li jistgħu jiddeċiedu li jirreferu l-kawża għall-Qorti tal-Ġustizzja)
- direttament quddiem il-Qorti Ġenerali – jekk deċiżjoni minn istituzzjoni tal-UE tkun affettwatek b'mod dirett u individwali.
Jekk tħoss li l-awtoritajiet fi kwalunkwe pajjiż ikunu kisru l-liġi tal-UE, trid timxi mal-proċedura uffiċjali għall-ilmenti.
Aktar tagħrif dwar id-drittijiet legali tiegħek
Aċċess għad-dokumenti
Il-kalendarju ġudizzjarju tal-ġurisprudenza tal-QĠUE
Is-servizz tal-istreaming tal-QĠUE
Aktar tagħrif
Kuntatt
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)
- Isem
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE)
- Sit web
- https://curia.europa.eu/site/jcms/
- Numru tat-telefown
- +352 4303 1
- Numru tal-faks
- +352 4303 2600
- Indirizz postali
Palais de la Cour de Justice Boulevard Konrad Adenauer
2925 Il-Lussemburgu
Luxembourg- Media soċjali
