Id-drittijiet tiegħek – u kif tużahom
Iċ-ċittadinanza tal-UE tingħata awtomatikament lil kull min għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż tal-UE. Xi drittijiet u benefiċċji ġejjin mil-liġi nazzjonali, u dawn jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Drittijiet oħrajn ġejjin mil-liġi tal-UE u għalhekk huma l-istess fil-pajjiżi kollha tal-UE. Dawn id-drittijiet tal-UE jestendu għall-ħajja ta’ kuljum – mix-xiri u s-sewqan sal-kura tas-saħħa u kwistjonijiet tal-familja/tar-relazzjoni.
Bħala ċittadin tal-UE, int għandek id-dritt li tgħix u tiċċaqlaq fl-UE mingħajr ma tkun iddiskriminat minħabba n-nazzjonalità tiegħek. Tista’ tibbenefika wkoll minn protezzjoni akbar tal-konsumatur milli f’pajjiżek u, sakemm tissodisfa ċerti rekwiżiti, tista’ taċċessa l-kura tas-saħħa kullimkien fl-UE.
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 18) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Kapitolu V) jispjegaw id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE tiegħek.
Segwi l-links ta’ hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar drittijietek bħala ċittadin tal-UE li jgħix fl-UE u tgħallem x’għandek tagħmel jekk id-drittijiet tiegħek ikunu nkisru.
Drittijiet ta’ residenza fl-UE
Informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek li tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE, id-drittijiet ta’ kwalunkwe membru tal-familja tiegħek biex jingħaqad miegħek, u d-dokumentazzjoni meħtieġa jekk int u/jew familtek tmur tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE.
Informazzjoni dwar drittijietek għal kura medika ppjanata jew mhux ippjanata f’pajjiż ieħor tal-UE, id-dokumenti li jkollok bżonn, ir-regoli ta’ rimborż, u kif tixtri mediċini f’pajjiż ieħor tal-UE u tingħata rimborż.
Drittijiet tal-konsumatur u rifużjonijiet
Informazzjoni dwar drittijietek u r-regoli dwar ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi fl-UE. Kif titlob rifużjonijiet u ssolvi t-tilwim.
Liġi tal-familja f'pajjiżi oħra tal-UE
Informazzjoni dwar drittijietek, u r-regoli u l-prinċipji tal-UE dwar l-aspetti kollha tal-kwistjonijiet tal-familja/tar-relazzjoni. Dan jinkludi l-adozzjoni u l-ħtif tat-tfal, iż-żwieġ, id-divorzju, l-obbligi ta’ manteniment tat-tfal, u l-ippjanar/l-immaniġġjar ta’ wirt transfruntier. Hemm ukoll parir dwar kif id-dokumenti pubbliċi jistgħu jiġu aċċettati f’pajjiż ieħor tal-UE.
Informazzjoni dwar drittijietek u r-regoli tal-UE dwar il-karozzi – mix-xiri jew il-bejgħ ta’ karozza sal-ksib jew l-iskambju ta’ liċenzja tas-sewqan. Hemm ukoll parir dwar id-dokumenti meħtieġa u l-formalitajiet li għandek issegwi biex tuża l-vettura tiegħek.