Ewropa mingħajr fruntieri
Fl-1993, jitnieda s-suq uniku bl-“4 libertajiet” tal-moviment liberu għall-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-flus. Is-snin disgħin tas-seklu l-ieħor huma wkoll id-deċennju ta’ 2 trattati – it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht) fl-1993 u t-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999. L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fl-UE fl-1995, u villaġġ żgħir fil-Lussemburgu jagħti ismu lill-ftehim ta’ Schengen li gradwalment se jippermetti lin-nies jivvjaġġaw lejn partijiet kbar tal-UE mingħajr kontrolli tal-passaport.
1991 – Xoljiment tal-Jugoslavja
Fil-Balkani, il-Jugoslavja tibda titfarrak biċċa biċċa. Il-gwerer li segwew jikkawżaw għexieren ta’ eluf ta’ vittmi u jdumu għal ħafna mill-għaxar snin ta' wara.
7 ta’ Frar 1992 – It-Trattat ta’ Maastricht
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa ffirmat f’Maastricht fin-Netherlands. Huwa pass importanti, li jistabbilixxi regoli ċari għall-munita unika futura kif ukoll għall-politika estera u ta’ sigurtà u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-ġustizzja u l-affarijiet interni. It-trattat jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993 u joħloq uffiċjalment l-Unjoni Ewropea.
1 ta’ Jannar 1993 – Tnedija tas-suq uniku
Is-suq uniku u l-4 libertajiet tiegħu huma stabbiliti – il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-flus. Sa mill-1986 ġew miftiehma mijiet ta’ liġijiet li jkopru l-politika tat-taxxa, ir-regolamenti tan-negozju, il-kwalifiki professjonali u ostakli oħra għall-ftuħ tal-fruntieri. Madankollu, il-moviment liberu ta’ xi servizzi jiddewwem.
1 ta’ Jannar 1994 – Tinħoloq iż-Żona Ekonomika Ewropea
Il-Ftehim li jistabbilixxi ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jidħol fis-seħħ, u jestendi s-suq uniku għall-pajjiżi tal-EFTA. Illum, il-persuni u l-merkanzija, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċaqalqu fi 30 pajjiż taż-ŻEE (UE-27 flimkien mal-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). L-Iżvizzera ma tiħux sehem fiż-ŻEE iżda għandha aċċess għas-suq uniku
1 ta’ Jannar 1995 – L-UE tikseb 3 membri ġodda: l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja
L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fl-UE. Il-15-il membru issa jkopru kważi l-Ewropa tal-Punent kollha.
26 ta’ Marzu 1995 – L-ivvjaġġar mingħajr fruntieri f’7 pajjiżi
Il-Ftehim ta’ Schengen jidħol fis-seħħ f’7 pajjiżi — il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja. Il-vjaġġaturi jistgħu jiċċaqalqu bejn dawn il-pajjiżi mingħajr kontrolli tal-passaport fil-fruntieri. Sal-2021, 26 pajjiż huma parti miż-żona Schengen mingħajr passaport, inklużi l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
2 ta’ Ottubru 1997 – It-Trattat ta’ Amsterdam
Jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Amsterdam. Dan jibni fuq il-kisbiet tat-Trattat ta’ Maastricht, li jistabbilixxi pjanijiet għar-riforma tal-istituzzjonijiet tal-UE, jagħti lill-Ewropa vuċi aktar b’saħħitha fid-dinja u jiddedika aktar riżorsi għall-impjiegi u d-drittijiet taċ-ċittadini. Jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999.
1 ta’ Jannar 1999 – Jitwieled l-ewro
L-ewro jiġi introdott fi 11-il pajjiż għal tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji biss. Il-karti u l-muniti jaslu iktar tard. L-ewwel pajjiżi tal-ewro huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja. Id-Danimarka, l-Iżvezja u r-Renju Unit għalissa jiddeċiedu li jibqgħu barra.