Il-protezzjoni, id-drittijiet u l-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE
Iċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn ħafna libertajiet u protezzjonijiet, inklużi d-drittijiet personali, ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali, il-protezzjoni tad-data personali, il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni, u l-ivvjaġġar mingħajr fruntieri fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE.
Kull ċittadin tal-UE jgawdi mill-istess drittijiet fundamentali bbażati fuq il-valuri tal-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni, id-dinjità tal-bniedem, il-libertà u d-demokrazija. Dawn il-valuri huma msaħħa u protetti mill-istat tad-dritt, kif spjegat fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jiżżewġu f’pajjiżi oħra tal-UE. L-UE taħdem biex iżżomm id-data personali tal-Ewropej sikura u tagħtihom is-setgħa bħala konsumaturi.
- Il-Ġustizzja u d-Drittijiet Fundamentali
- Iż-żona ta’ vvjaġġar mingħajr fruntieri ta’ Schengen
- Il-Protezzjoni tad-Data - Skedi Informattivi
Iċ-ċittadini għandhom protezzjoni legali f’kull pajjiż tal-UE, u l-kriminali jistgħu jiġu segwiti minn fruntiera għall-oħra u ripatrijati, bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-awtoritajiet ġudizzjarji jikkooperaw permezz tal-Unità ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (Eurojust) biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet legali f’pajjiż partikulari tal-UE jkunu rikonoxxuti u implimentati f’kull pajjiż ieħor tal-UE.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE. Issolvi wkoll tilwimiet legali bejn il-gvernijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE. F’ċerti ċirkostanzi, tista’ tintuża wkoll miċ-ċittadini, il-kumpaniji jew l-organizzazzjonijiet biex tieħu azzjoni kontra istituzzjoni tal-UE li tkun kisret id-drittijiet tagħhom.
L-UE taħdem biex ittejjeb is-sigurtà interna permezz tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri. Dan jinkludi t-teħid ta’ azzjoni kontra l-kriminalità organizzata u l-għajnuna biex il-forzi tal-pulizija nazzjonali jaħdmu aħjar flimkien permezz tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL).
Il-pajjiżi tal-UE qed jaħdmu wkoll biex tiġi żviluppata politika tal-UE dwar l-immigrazzjoni koerenti li tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-immigrazzjoni legali, filwaqt li ssolvi l-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari. Bħalissa għaddejja ħidma biex tittejjeb is-sigurtà permezz ta’ kontrolli aħjar mal-fruntieri esterni, filwaqt li jsir aktar faċli għal dawk li għandhom dritt jidħlu fl-UE biex jagħmlu dan.
Avvenimenti u informazzjoni relatati
- Sib l-avvenimenti li jmiss fil-qasam tal-ġustizzja u d-drittijiet taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-postijiet tal-UE
- Ibbrawżja l-librerija għal pubblikazzjonijiet dwar iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja
- L-istatistika dwar il-migrazzjoni lejn il-pajjiżi tal-UE
- Ibqa’ konness permezz tal-midja soċjali