Promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
Hemm żewġ flussi ewlenin tal-politika u l-azzjoni fil-qasam tad-drittijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Wieħed huwa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għaċ-ċittadini tal-UE, u l-ieħor huwa l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE. Il-Karta tistipola d-drittijiet fundamentali li jorbtu lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE. Tapplika wkoll għall-gvernijiet nazzjonali meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE.
L-Unjoni Ewropea hi bbażata fuq impenn qawwi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt madwar id-dinja. Id-drittijiet tal-bniedem huma fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi u reġjuni oħra.
Il-politika tal-UE:
- tippromwovi d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, il-minoritajiet, u l-persuni spostati
- topponi l-piena tal-mewt, it-tortura, it-traffikar tal-bnedmin u d-diskriminazzjoni
- tiddefendi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali
- tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem billi taħdem fi sħubija attiva mal-pajjiżi sħab, organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u gruppi u assoċjazzjonijiet fil-livelli kollha tas-soċjetà.
- tinkludi l-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha ta’ kummerċ jew kooperazzjoni li jsiru ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE