Skip to main content

L-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili

Valuri umanitarji Ewropej fl-azzjoni

L-Unjoni Ewropea tipprovdi assistenza lill-pajjiżi u l-popolazzjonijiet, kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra mill-pajjiż, meta jseħħu diżastri kbar jew emerġenzi umanitarji.

Flimkien, il-pajjiżi tal-UE huma d-donatur ewlieni fid-dinja ta’ għajnuna umanitarja u kull sena jgħinu miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Din l-għajnuna tammonta għal 1% tal-baġit totali annwali tal-UE – madwar €4 għal kull ċittadin tal-UE.

L-azzjoni tal-UE hija ggwidata mill-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. L-għajnuna tingħata permezz ta’ 200+ organizzazzjonijiet u aġenziji sħab internazzjonali u lokali, bl-appoġġ ta’ eluf ta’ voluntieri Ewropej.

Kull ċittadin Ewropew jew residenti fit-tul fi Stat Membru tal-UE jista’ jieħu sehem fil-programm ta’ voluntieri tal-għajnuna tal-UE.

Permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, l-UE, flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi oħra Ewropej, għandha rwol importanti biex tikkoordina r-rispons għall-kriżijiet fl-Ewropa u madwar id-dinja. Il-kriżijiet eżistenti u potenzjali huma sorveljati l-ħin kollu u l-pajjiżi parteċipanti jikkooperaw ukoll dwar il-valutazzjoni tar-riskju, il-prevenzjoni tad-diżastri, it-tħejjija u l-ippjanar.

L-assistenza ta’ emerġenza tista’ ssir fl-għamla ta’ oġġetti bħal ikel, kenn jew tagħmir, billi jintbagħtu timijiet mgħammra b'mod speċjali, jew il-valutazzjoni u l-koordinazzjoni minn esperti mibgħuta fuq il-post. It-timijiet, l-esperti u t-tagħmir ta’ assistenza minn pajjiżi parteċipanti jinżammu lesti biex jidħlu fl-azzjoni biex jipprovdu rispons malajr tal-UE madwar id-dinja kollha.

Gallerija tal-Videos