Mur għall-kontenut ewlieni

L-immaniġġjar tal-euro

L-euro hu t-tieni munita l-aktar użata fit-tranżazzjonijiet finanzjarji globali, b’madwar 39% tal-volum, esklużi l-pagamenti fiż-żona intra-euro, denominati fl-euro. L-euro hu wkoll valuta ta’ riżerva attraenti għal pajjiżi oħrajn. Fl-2017, madwar 20% tar-riżervi fid-dinja kollha kienu f’euro.

Ir-rati tal-imgħax fiż-żona tal-euro jinfluwenzaw l-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-movimenti u l-iskambji tal-munita fuq il-bażi ta’ kuljum jeħtieġu ċertu ammont ta’ mmaniġġjar: dan hu x-xogħol tal-Bank Ċentrali Ewropew indipendenti, li jinsab fi Frankfurt. Il-BĊE hu l-bank ċentrali tad-20-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li adottaw l-euro: hu jaħdem biex iżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, u biex jippreserva l-kapaċità tal-akkwist tal-munita unika.

Għalkemm huma l-pajjiżi tal-UE li jiffissaw it-taxxi u kull pajjiż jiddeċiedi fuq il-baġit tiegħu stess, il-gvernijiet nazzjonali stabbilixxew regoli komuni dwar il-finanzi pubbliċi biex ikun jista’ jkun hemm il-kooordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom għall-istabbiltà, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

Produzzjoni ta’ muniti u karti tal-flus

Mill-2002, il-karti tal-flus tal-euro bdew jiġu prodotti b’mod konġunt mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) taż-żona tal-euro. Kull BĊN hu responsabbli għal proporzjon tal-produzzjoni annwali totali f’denominazzjoni waħda jew aktar.

Ir-responsabbiltà għall-muniti tal-euro hi f'idejn il-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro.

Miżuri ta’ kontra l-falsifikazzjoni ta' flus

Is-sigurtà kienet kunsiderazzjoni kbira ħafna waqt l-iddisinjar tal-muniti u l-karti tal-flus tal-euro. Minn meta daħlet fis-seħħ il-munita unika, il-livelli ta’ falsifikazzjoni ta' flus fiż-żona tal-euro kienu relattivament baxxi. Madankollu, peress li l-muniti u l-karti tal-flus tal-euro ta’ kull pajjiż — b’disinni distinti — huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha, huma meħtieġa regoli u koordinazzjoni komuni biex ikun żgurat li l-miżuri ta’ kontra l-falsifikazzjoni ta' flus ikunu effettivi b’mod indaqs fil-pajjiżi kollha. Il-politika tal-UE kontra l-falsifikazzjoni ta' flus hi bbażata fuq 4 pilastri: il-prevenzjoni, ir-repressjoni, it-taħriġ u l-kooperazzjoni.